Tnediet l-ewwel strateġija favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-ġeneru.
Din l-istrateġija tindirizza l-inklużjoni sistematika tas-sessi differenti f’kull qasam politiku, filwaqt li tagħti kas tal-modi kif aspetti differenti tal-identità tal-persuna jistgħu jesponuha għal forom sovrapposti ta’ diskriminazzjoni u emarġinazzjoni. B’hekk, jiġi żgurat li ħadd ma jaqa’ lura. Barra minn hekk, tiggarantixxi aċċess ugwali għall-impjiegi fis-setturi kollha filwaqt li tiżgura wkoll paga ugwali għal xogħol ta’ valur indaqs.
L-istrateġija se telimina l-iżbilanċ bejn is-sessi fil-qasam tal-ġustizzja billi tindirizza l-preġudizzji u l-isterjotipi tas-sessi. Barra minn hekk, tiżgura r-ridistribuzzjoni tal-poter, l-influwenza u r-riżorsi b’mod ġust u ugwali bejn is-sessi.
F’konferenza tal-aħbarjiet bit-tema ‘Malta – Ċertezza u Stabbilità’, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg spjegat dan id-dokument jimmarka pass importanti fl-isforzi ta’ Malta biex tinkiseb ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi fl-isferi kollha tal-ħajja.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li bl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija, l-Gvern qiegħed iwettaq żewġ wegħdiet elettorali mill-manifest “Malta Flimkien” li jindirizzaw l-inklużjoni sistematika tas-sessi differenti.