Waqt żjara fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bħalissa qed ikunu implimentati 90% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali li dehru fir-rapport annwali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Il-Prim Ministru qal li se jingħataw raġunijiet għalfejn il-Gvern ma jaqbilx mal-10% l-oħra tar-rakkomandazzjonijiet.
L-NAO jgħarbel kif il-Gvern u entitajiet pubbliċi jonfqu l-flus, jara n-nuqqasijiet u jagħti pariri biex l-affarijiet isiru aħjar.
F’taħditiet mal-Awditur Ġenerali, il-Prim Ministru qal li l-punt kruċjali tal-Uffiċċju huwa li ma jħares lejn wiċċ ħadd u jikkritika fejn hemm bżonn. Huwa wera l-impenn tiegħu li l-Gvern se jibqa’ jirrispetta, bħalma dejjem għamel, kull kritika li jirċievi mingħand l-NAO.
Min-naħa tiegħu l-Awditur Ġenerali s-Sur Charles Deguara, qal li l-awtonomija tal-Uffiċċju li jmexxi se tibqa’ tkun imħarsa. L-Awditur Ġenerali fakkar li fl-1997 il-Parlament approva unanimament emendi fil-liġi sabiex l-awditjar jibda jsir minn uffiċċju indipendenti.
Minn kemm ilu jopera l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika din kienet l-ewwel żjara ta’ Prim Ministru fil-binja tal-NAO fil-Furjana.