Tmenin fil-mija tal-miżuri favur il-familja li jinsabu fil-manifest elettorali tal-Gvern, twettqu.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet minn ġewwa l-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, flimkien mal-Ministru għall-Familja u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon.
Intqal li 63 miżura minn total ta’ 79 miżura diġà twettqu.
Il-Ministru Carmelo Abela qal kif fost il-miżuri li twettqu hemm it-tneħħija tal-ħlas fuq l-eżamijiet tal-Matsec u żieda fl-għotja lill-istudenti għal €100.
Il-Ministru Carmelo Abela qal kif dan il-Gvern qed jagħti s-servizz b’xejn tal-IVF u anke Gvern Laburista qed jagħti lura l-festi pubbliċi li kienu jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa billi żied il-ġranet leave għall-ħaddiema.
Qal kif dawn il-miżuri qed jitwettqu xorta waħda waqt pandemija globali.
Qal, “Aħna anki rajna li hemm madwar 79 proposta elettorali mill-programm elettorali kollu, li b’mod partikolari jmissu aktar mill-qrib il-familji tagħna li minnhom 80% minnhom, jiġfieri 63 minn 79 proposta ġew imwettqa fl-intier tagħhom u oħrajn jinsabu fi stadju avvanzat li jitwettqu mija fil-mija.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon semma kif dan il-Gvern introduċa libertajiet ċivili.
Il-Ministru Michael Falzon fakkar kif iċ-children’s allowances kienu ilhom ma jiżdiedu għal kważi kwart ta’ seklu u kien Gvern Laburista li żidhom.
Il-Ministru Falzon semma kif dan il-Gvern daħħal ukoll li persuna ma tistax iddum iżjed minn perjodu ta’ sena li tkun fuq il-paga minima u żied il-pensjonijiet għal sitt snin konsekuttivi.
Il-Ministru Falzon qal kif fil-ġimgħat li ġejjin, dan il-ministeru se jkun wettaq 90% tal-miżuri tal-budget għal din is-sena.
Qal, “Il-Maltin huma l-iżjed ottimisti li noħorġu mill-pandemija, imma hija xi ħaġa, li studju wara studju, li mhux magħmul mill-Gvern Malti juri li l-poplu tagħna ilu konsistentament l-iktar poplu li qed ikun ottimist fl-Ewropa kollha u aktar minn hekk ukoll huwa poplu li jħares b’sigurtà biex ngħid hekk ‘il quddiem. Eżami bħal dak għal din l-amministrazzjoni żgur li għaddiet bi flying colours.”