Meta għaddiet biss nofs il-leġislatura, diġà twettqu iktar minn tmenin fil-mija tal-miżuri soċjali tal-manifest elettorali tal-Gvern, b’uħud minnhom saħansitra ġew implimentati qabel iż-żmien skedat.
F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-ċentru ta’ Matul il-Jum f’San Ġwann, il-Ministru għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali Michael Falzon ħabbar li l-miżuri tas-sigurtà soċjali, benefiċċji soċjali, children’s allowance, child bonus u l-Foster Care Allowance iddaħħlu fit-totalità tagħhom.
Qal li fl-aħħar snin kompliet tiżdied ukoll il-paga minima, tnaqqsu l-piżijiet tal-bolol, filwaqt li komplew jiġu indirizzati l-inġustizzji tal-imgħoddi.
Semma wkoll iż-żidiet kostanti li ngħataw 93,000 pensjonant flimkien ma’ ħajja aħjar b’inqas piżijiet, u l-ebda introduzzjoni ta’ taxi ġodda.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-gvern wettaq dak li wiegħed u anke twettiq ta’ miżuri mwiegħda minn gvernijiet nazzjonalisti li ma saru qatt bħat-tneħħija tat-taxxa fuq il-pensjonijiet. Dr Falzon sostna: “Mhux biss żammejna kelmtna man-nies imma wkoll rajna li nikkejterjaw għal kulħadd ma morniex biss għal numru. Pereżempju fil-qasam tad-diżabilità għandna madwar 650 ruħ li se jieħdu paga minima netta. Rajna wkoll li anke fejn hemm ċertu pockets żgħar bħal addozzjonijiet, fostering li rridu wkoll ngħinu bħala Gvern. Gvern li jibqa’ jgħożż l-impenn soċjali tiegħu li verament jemmen li meta jgħolli s-soċjetà ma taqbadx mejda mill-wiċċ imma taqbadha mis-saqajn u tgħolliha kollha kemm hi.”
Stqarr li kull ġurnata tgħodd għal dik il-persuna li jkollha bżonn għajnuna fl-immedjat u għalhekk il-Gvern se jkompli jimplimenta iktar miżuri.
Fil-qasam tal-anzjanità attiva u d-diżabilità twettqu wkoll mat-80% tal-Manifest Elettorali. Bosta miżuri effettivi ddaħħlu sabiex l-anzjani ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis ħabbar li għaddej proċess biex l-għotja li tingħata lill-anzjnai li għandhom izjed minn 75 sena tiżdiet għal €500.
L-Onor. Parnis tenna: “Is-servizzi li hemm irridu naraw li jkunu hemm b’mod professjonali. Jiena naħseb għajnejja għandha tkun ukoll ġewwa San Vinċenż fejn fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qegħdin niftħu ħames mitt sodda tkun residenza li tilqa’ 1,700 anzjan, li tkun residenza ta’ kwalità.”
Semma wkoll li se jissaħħaħ is-servizz tal-carers kif ukoll dak tal-home help.