Tul din is-sena twettqu 178 miżura tal-Baġit 2018. Dan ifisser 79% tal-miżuri fil-Baġit ta’ din is-sena. Numru li mistenni jitla’ sal-aħħar tas-sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar spjega li dan jixhed kontabbiltà u effiċjenza, anke għaliex huwa sitt punti perċentwali fuq il-medja tas-snin li għaddew.
“Dak ifisser li s-sistemi qed jigu f’posthom. Ix-xogħol kollu ta’ tiġdid li għamilna biex nippjanaw bis-serjeta, biex inwettqu u nenfasizzaw it-twettiq tal-ippjanar, issa qed jidħol fis-sistema”, qal Cutajar.
Dan jammonta għal total ta’ ftit iktar minn 1,250 miżura tal-baġit mwettqa fl-aħħar ħames snin.
Baġits li għall-kuntrarju tal-imgħoddi, m’għadhomx biss il-qari ta’ dokument, kif kompla jtenni Cutajar:
“Iġifieri mhux iktar tgħidha imma m’hemmx kontabiltà tagħha, imma tiġi mħabbra, moqrija, u jkun hemm il-kontabilita tagħha, jkun hemm direzzjoni ta’ kif marru l-affarijiet, ta’ kif ġew ippjanati, u ta’ kif ġew imwettqa.”
Il-Kap taċ-Ċivil sostna kif wara l-qari tal-Baġit, jisiltu l-proposti waħda waħda, imorru għand il-Ministeri, li minn naħa tagħhom jagħmlu l-ippjanar ta’ kull miżura.
Qal li l-proposti li ma jitlestewx, jinġarru għas-sena ta’ wara. Fil-fatt din is-sena twettqu wkoll 45 miżura oħra minn baġits preċedenti.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega kif sal-aħħar tas-sena, in-numru tal-proposti mwettqa għal din is-sena, mistenni jitla’:
“Għalhekk tagħti sodisfazzjoni lin-nies, mhux biss għall-flus li jonfqu mit-taxxi tagħhom, li l-benefiċċji, dak li jwiegħed mhux xi ħaġa kliem fieragħ, imma ssir realtà għax timplimentahom u żżomm kelmtek”.
Il-Professur Scicluna qal li dan l-eżerċizzju jgħin lill-Gvern fl-ippjanar tiegħu, fejn jikkunsidra l-proċessi kollha biex miżura tasal biex titwettaq.
Fost il-miżuri mwettqa hemm it-trasport b’xejn lill-istudenti, bini ta’ skejjel ġodda u tisbiħ ta’ oħrajn, skemi għall-enerġija rinovabbli, festi pubbliċi mogħtija lura lill-ħaddiema, tnaqqis fil-ħlas ta’ taxxa, investiment fil-qasam tas-saħħa, investiment fl-infrastruttura tat-toroq, pensjonijiet aħjar u tisħiħ tas-servizzi soċjali, ftehim settorali għall-għalliema u l-pulizija, spinta ’l quddiem lis-settur tal-blockchain, ħidma biex l-eżmijiet tal-MATSEC jiġu b’xejn, u żieda fil-benefiċċji għall-foster parents u min jadotta.