Tul din is-sena twettqu 208 miżuri tal-Budget 2019. Dan ifisser 74%tal-miżuri fil-Budget ta’ din is-sena. Persentaġġ li mistenni jitla’ li sal-aħħar tas-sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet dwar it-twettiq tal-budget ta’ din is-sena u li matulha nħarġet pubblikazzjoni li telenka l-miżuri implimentati, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, spjega kif il-budget mhuwiex biss eżerċizzju ta’ dħul u ħruġ għall-Gvern iżda wkoll mezz kif il-Gvern jimplimenta l-ħidma tiegħu għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.
“Għall-kuntrarju tal-passat, il-baġit m’għadux biss il-qari ta’ dokument iżda qed jiġi mplimentat, bit-total ta’ miżuri mwettqa mill-elfejn u tletax sal-lum ilaħħaq l-elf tliet mija u ħamsin miżura”, saħaq il-Kap taċ-Ċivil.
Dan ir-rendikont, spjega s-Sur Cutajar, huwa dovut għal mod metikoluż kif il-Gvern jimmarka kull miżura li titwettaq, permezz ta’ uffiċċju speċjalizzat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u rapport li jasal quddiem il-Prim Ministru kull xahar.
Is-Sur Cutajar stqarr li “Kif il-budget jiġi mħabbar jibda proċess mis-servizz publiku li permezz tiegħu kull miżura titqassam lill-Ministeri wara dan isiru l-pjani mill-Ministeri biex il-miżura titwettaq u kull xahar isir il-moniteraġġ biex inkunu ċerti li dik il-miżura qed titwettaq skont il-pjan.”
Fost il-miżuri li twettqu fl-aħħar sena hemm ħelsien mit-taxxi għat-trasferiment ta’ negozji mill-ġenituri għat-tfal, iż-żieda fis-sussidji tal-kera, it-trasport fuq tal-linja b’xejn li minnu qed igawdu mal-34,0000 student, it-tneħħija tal-miżati tal-eżamijiet tal-MATSEC, id-dħul b’xejn għall-istudenti f’siti storiċi u żieda ta’ ġurnata leave oħra għall-ħaddiema kollha u l-iskema tal-equity sharing fost oħrajn.
Intant il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega kif il-publikazzjoni ta’ din is-sena, minbarra li telenka l-miżuri kollha li saru jew qegħdin isiru, inġabret b’mod iktar konċiż sabiex kulħadd ikun jista’ jsegwi x’sar sa issa.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna stqarr: ” Dan huwa l-istil ġdid tal-gvern li gverinijiet oħra se jkollhom jimxu fuqhom għaliex il-poplu issa aċċettahom u jara l-irġulija tal-Gvern, u din tiġi mhux għax fil-baġit tkun vag u maybe or forsi jsiru u x’sar u ma sarx, dak li għatlu duħħan. Imma preċiżi, miżura wara l-oħra jekk ikunx hemm 200, 250 miżura – dik il-miżura mhux biss hija wegħda imma wegħda li ħa titwettaq.”