Wara s-suċċess tar-riferti elettroniċi mit-tobba f’każijiet fejn ikun hemm suspett ta’ kanċer fis-sider, fil-prostata, fid-demm, fil-pulmun, fil-musrana l-kbira, fir-ras u l-għonq, jew fl-Upper GI, li jwassal sabiex id-dijanjożi tal-pazjent tingħata mill-iktar fis, minn din il-ġimgħa f’din l-iskema ingħaqad ukoll id-Dipartiment tad-Dermatoloġija.
B’hekk, każijiet suspettati ta’ kanċer fil-ġilda wkoll qed jiġu fast-tracked għand tim iddedikat li jara n-noti tat-tabib li jkun irrefera lill-pazjent u li jibda t-testijiet b’mod spedit sabiex id-dijanjożi tingħata fl-iqsar żmien possibbli.
Rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Dermatoloġija u ta-SAMOC spjegaw kif mill-ftit ġranet li ilhom li bdew iħaddmu s-sistema elettronika, diġà ġew riferuti numru ta’ pazjenti għal testijiet ulterjuri.
Id-dermatologu u Kap tad-Dipartiment, Michael Boffa, spjega kif din is-sistema żżid l-effiċjenza peress li tippermetti li t-tobba jinkludu ritratti tal-leżjoni fir-riferta tagħhom flimkien mal-informazzjoni neċessarja biex jiddeterminaw l-urġenza tal-każ.
Id-Dermatologu qal “Is-sistema l-ġdida se tgħin biex il-każijiet li jiġu riferuti lid-Dipartiment inkunu nistgħu narawhom aktar malajr, fis-sens li se jkun hemm iktar informazzjoni, anke faċilitajiet ta’ ritrati.”
Danika Marmara, mis-SAMOC, fakkret kif din ir-riferta tista’ tkun sottomessa kemm mit-tobba tal-kura primarja kif ukoll mit-tobba privati. Hija tat elenku tas-suċċess tal-iskema fl-aħħar erba’ snin, meta ġew sottomessi iżjed minn elf u tlett mitt riferta għall-fast-tracking, li minnhom kważi disgħin każ irriżulta f’kanċer.
Danika Marmara qalet “Meta ngħidu fast track, għall-iskin bdejnija din l-aħħar ġimgħa u minn hemm diġà daħlu tliet riferti. Din hija sistema li hija kemm għall-GPs privati kif ukoll għal dawk li jaħdmu fil-kura primarja biex, meta jiġi pażjent b’suspett ta’ kanċer, dawn jistgħu jirreferu bis-sistema elettronika.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, żar id-Dipartiment tad-Dermatoloġija fl-Isptar Mater Dei fejn, minbarra li dar is-servizzi tal-ogħla kwalità li jingħataw f’dan id-dipartiment fuq bażi regolari, ra wkoll kif se taħdem ir-riferta elettronika tal-pazjenti li se jiġu fast-tracked f’dan id-Dipartiment.
Huwa rrimarka li bl-użu ta’ iżjed sistemi teknoloġiċi l-pazjenti jibbenefikaw minn servizz iżjed fil-pront u effiċjenti, li fil-każ tal-onkoloġija jissarraf f’ħajjiet salvati.