Xufieri ta’ vetturi bil-Y plates twaqqfu minn xogħolhom wara li nstabu li ma kinux qed jaħdmu b’konformità mal-liġi. Dan hekk kif matul il-jum tat-Tnejn, fi Triq Garibaldi biswit iż-Żona Industrijali tal-Marsa, saru numru ta’ spezzjonijiet konġunti fuq vetturi ta’ dan it-tip minn uffiċjali ta’ JobsPlus, l-aġenzija Identità, uffiċjali ta’ Transport Malta u Pulizija mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit, l-RIU.
Fl-aħħar jiem tħabbar kif evalwazzjoni tas-suq minn JobsPlus sabet li pajjiżna għandu biżżejjed ħaddiema tal-Y plates u food couriers. F’dan ir-rigward, il-Prim Ministru Robert Abela stess ħabbar li, għaldaqstant, qed jiġu rrifjutati applikazzjonijiet ġodda ta’ xogħol f’dawn is-setturi, inkluż minn barra minn Malta.
Minn informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon, jirriżulta li, minn fost dawk li twaqqfu immedjatament fuq il-post, kien hemm barranin li ma kellhomx permess ikunu f’pajjiżna.
Sadanittant, Il-Ħadd filgħodu fuq ONE Radio, il-Prim Ministru tkellem dwar dan is-suġġett u tenna li se jkunu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa, skont il-prinċipju li l-ftit ma jistgħux igawdu għad-detriment tal-ħafna u se jkun hemm il-konsegwenzi għal dawk li bdew jipprovaw jieħdu vantaġġ mis-sistema.
Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u l-Impjiegi, Byron Camilleri, spjega kif din il-miżura ma taffettwax lill-ħaddiema attwali fis-setturi, filwaqt li l-applikazzjonijiet għat-tiġdid se jkomplu jiġu pproċessati, mingħajr interruzzjoni.
B’hekk jiġi żgurat li l-impjegati attwali ma jiġux affettwati minn dawn il-miżuri. Dan bil-għan li jkun hawn stabbiltà u kontinwità fl-impjiegi għal dawk li diġà għandhom impjieg fis-setturi.