Bejn Ottubru u Diċembru li għadda twaqqfu 7,000 vettura fi spezzjonijiet tat-traffiku li saru mill-Pulizija.
Ikkonfermat dan stqarrija tal-Pulzija hekk kif spjegat li f’dawn l-istess spezzjonijiet inħarġu mijiet ta’ kontravenzjonijiet għal ksur tar-regolamenti tat-traffiku.
L-iżjed kontravenzjonijiet komuni kienu ta’ vetturi li ma kellhomx il-fanali jixgħelu kif suppost, vetturi mingħajr pjanċi tar-reġistrazzjoni mwaħħlin skont il-liġi u xufiera li ma kinux libsin iċ-ċintorin tas-sigurtà.
Fil-110 spezzjonijiet li saru f’Ottubru ddominaw anke kontravenzjonijiet għal sewqan mingħajr liċenzja, jew liċenzja skaduta, kontravenzjonijiet fuq ħġieġ tinted u kontravenzjonijiet minħabba numru eċċessiv ta’ persuni f’karozza waħda.
Kien hemm ukoll taxi li rċeviet kontravenzjoni għaliex il-passiġġiera ma kinux lebsin maskra.
F’10 spezzjonijiet minnhom kien hemm persuni li nstabu f’pussess ta’ droga kannabis u crushers filwaqt li 2 sewwieqa nstabu jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol wara test tal-breathalyser.
F’Novembru saru 115-il spezzjoni bi 13-il persuna nqabdu fil-pussess tad-droga, kif ukoll 2 sewwieqa nqabdu jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol u sewwieq ieħor irrifjuta li jagħmel t-test.
Waqt tfittxijiet li saru fil-vetturi, il-pulizija sabet ukoll persuna fil-pusses ta’ pepper spray u anke żewġ armi tan-nar.
Fix-xahar ta’ Diċembru l-ħidma intensifikat għall-festi hekk kif saru madwar 150 spezzjoni. Hawnekk 14-il persuna nqabdu jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol wara li sarilhom test tal-kampjun tan-nifs.
Minn tfittxijiet li saru f’numru ta’ vetturi, il-pulizija sabet sustanza allegatament droga, grinders u oġġetti relatati mal-użu tad-droga.
Dan filwaqt li nħarġu akkużi fil-konfront ta’ 13-il sewwieq talli nqbadu jsuqu b’veloċità eċċessiva.
Dwar dawn l-ispezzjonijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li “dawn l-ispezzjonijiet se jkomplu jsiru matul il-jiem, ġimgħat u xhur li ġejjin. Il-Korp tal-Pulizija huwa kommess li pajjiżna jkun sigur f’kull aspett, inkluż li jassigura l-ordni u s-sigurtà fit-toroq tagħna f’kull ħin tal-ġurnata.”
Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.