Twaqqaf l-ewwel kor nazzjonali Malti, Kor Malta. Dan se jkun qed jaqa’ taħt il-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura, li se jkun impenjat li dan il-kapitlu ġdid ikun wieħed ta’ suċċess. Kor Malta se jkun magħmul minn koristi li diġà jiffurmaw parti mill-kor fi ħdan l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Dawn se jiġu ssupplimentati minn koristi ġodda li ġew magħżula permezz ta’ provi.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li dan il-proġett jingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti oħra bħal Festivals Malta, Teatru Malta, u Żfin Malta. Fost il-pjanijiet għal dan il-proġett ġdid, hemm kunċerti mal-Orkesta Nazzjonali u żjarar barra minn Malta.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li kien ilu jinħass il-bżonn li Malta jkollha kor Nazzjonali. Fakkar ukoll kif b’dan il-proġett, il-Gvern se jkun qed iwettaq wegħda elettorali tiegħu li jwaqqaf kor Nazzjonali. Dan filwaqt li jkompli jaħdem biex iżid il-professjonalità fis-settur kulturali u dak artistiku.
Kor Malta se jkun qiegħed jipprovdi wkoll taħriġ professjonali lill-koristi tiegħu permezz ta’ masterclasses minn tenuri u għalliema kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
Il-ġimgħa d-dieħla, bi preparazzjoni għal kunċert ta’ inawgurazzjoni, il-koristi se jipparteċipaw f’masterclasses mat-tenur ta’ fama mondjali, Nicholas Mulroy. Il-kunċert ta’ debutt ta’ Kor Malta se jsir fil-Pro-Katidral ta’ San Pawl fil-Belt Valletta fit-2 ta’ Diċembru li ġej. Da se jkun kunċert mingħajr id-daqq ta’ mużika, biex wieħed japprezza aktar il-ħiliet tal-koristi. Il-korisi se jkunu mxerrda madwar il-katidral f’dan il-kunċert.
Intant, bħala parti mill-proġett tal-Gvern sabiex jintlaħqu aktar komunitajiet, il-kor se jkun qiegħed jagħti spettaklu ieħor fil-Knisja Parrokjali tas-Siġġiewi, fl-4 ta’ Diċembru.