Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, stqarr kif minħabba li d-dimenzja saret sfida sinjifikanti, il-Gvern Malti fl-2015 nieda l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimenzja, bl-għan li jindirizza l-aspetti varji tad-dimenzja. Inizjattivi varji f’dan ir-rigward kienu implimentati u jinkludu t-twaqqif ta’ Multi-Disciplinary Dementia Intervention Team li qed jassisti l-individwi bid-dimenzja fil-komunità. Infetaħ ukoll ċentru tad-dimenzja ġdid f’Għajnsielem Għawdex. Inħadmu wkoll kotba ta’ informazzjoni sabiex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku inġenerali u sabiex jassistu lil dawk li jagħtu l-kura sabiex joffru l-aħjar kura.
Minħabba l-isfidi li qed toħloq id-dimenzja, hemm bżonn investiment sostanzjali mhux biss fl-infrastuttura imma wkoll fir-riżorsi umani. L-implimentazzjoni tar-rikomandazzjonijiet imniżżla fl-Istrateġija hija sforz ħidma intensiva u l-assessjar kontinwu tar-riżultati jassigura li r-rikomandazzjonijiet qed ikunu milħquha. L-għan tal-Kumitat Nazzjonali ta’ Ħidma fuq id-dimenzja huwa li jlaqqa’ individwi professjonisti f’dan il-qasam sabiex nassiguraw li l-azzjonijiet imniżżla fl-Istrateġija tad-Dimenzja jsiru b’suċċess u jara li l-bżonnijiet tal-individwi bid-dimenzja, ta’ dawk li jagħtuhom il-kura u tal-familjari, jiġu mħarsa.
Profs. Charles Scerri, li qiegħed jippressjedi dan il-Kumitat, tenna li hu kkalkulat li fid-dinja kull tliet sekondi jiġi rrappurtat każ ta’ dimenzja. Sal-2050 hu stmat li 3.3 fil-mija tal-popolazzjoni Maltija ser tintlaqat mid-dimenzja. Profs. Scerri spjega kif il-Kumitat bi ħsiebu jaħdem bla waqfien fuq sitt linji ta’ interventi, li huma; żieda fl-għarfien dwar id-dimenzja, dijanjożi f’waqtha, taħriġ, kura u mmaniġġjar, approċċ etiku u riċerka sabiex inkunu ppreparati għall-futur.