Il-partijiet involuti privati u anke dawk fis-settur pubbliku tal-avjazzjoni, issa se jkollhom pjattaforma sabiex isemmgħu leħinhom b’mod koordinat.
Dan permezz ta’ forum li twaqqaf waqt konferenza tal-aħbarjiet fl-Ajruport ta’ Malta, fejn ġie nnutat l-effett qawwi tal-pandemija fuq dan is-settur tant kruċjali għal pajjiżna. Minkejja dan, il-Gvern kompla jkun ta’ spalla b’diversi għajnuniet lil dan is-settur.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg spjega li l-irwol ċentrali tal-avjazzjoni tixpruna l-Gvern sabiex iħares din l-industrija u jinvesti fiha.
Qal kif, “Wara li nisimgħu, aħna Gvern illi nagħtu dik l-għajnuna li jkun hemm bżonn jew nieħdu d-deċiżjonijiet. Dan huwa settur importanti. L-avjazzjoni żżomm lil Malta magħquda mal-kumplament tad-dinja bil-merkanzija u l-ġarr tal-passiġġieri, iżda hija wkoll hija industrija li toħloq l-impjiegi ta’ kwalità. Erbat elef impjieg dirett li jħallas id-doppju tal-medja ta’ mpjiegi oħra.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ DC Aviation, Stanley Bugeja stqar li permezz ta’ din il-pjattaforma, se jkun hemm il-possibiltà ta’ tisħiħ ta’ dan is-settur filwaqt li jiġu ndirizzati l-effetti tiegħu fosthom dawk ambjentali.
Spjega, “Permess ta’ dan il-forum se jkun hemm organiżżażżjoni iktar ta’ kif id-djalogu jsir bejn is-settur privat u l-Gvern biex b’hekk diġa aħna effiċjenti iktar minn pajjiżi oħrajn pero se nsiru iktar effiċjenti u forsi minflok iddum tliet ijiem tagħmel biċċa xogħol, issir f’ġurnata u nofs għall-argument.”