Waqt żjara mis-Segretarju Ġenerali taċ-CIHEAM Teodoro Miano, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar it-twaqqif taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudji Agronomiċi Mediterranji Avvanzati f’Malta.
Malta ilha membru taċ-CIHEAM mill-1989 u pajjiżna bbenefika ħafna minn din is-sħubija, fosthom inkiseb l-aċċess għal data imprezzabbli, riċerka mill-aktar avvanzata, u finanzjament mill-Unjoni Ewropea, li kienu strumentali biex jixprunaw l-innovazzjoni agrikola u l-iżvilupp rurali f’Malta.
Il-Ministru Anton Refalo qal li, “Dan l-uffiċċju se jservi bħala ċentru għall-ġenerazzjoni tal-għarfien, il-kooperazzjoni teknika, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, imfassal skont il-pajsaġġ agrikolu uniku ta’ Malta. Se ssaħħaħ ukoll ir-rabtiet tagħna mal-istituti taċ-CIHEAM, b’mod partikolari ċ-CIHEAM Bari u ċ-CIHEAM Zaragoza, u se ttejjeb il-ħila tagħna li nindirizzaw sfidi kondiviżi bħat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ambjentali, u l-iżvilupp sostenibbli.”

Il-ministru refalo żied jgħid li din l-inizjattiva mhux biss se tkun ta’ benefiċċju għal Malta iżda tikkontribwixxi wkoll għar-reġjun tal-Mediterran. Dan billi Malta se tospita korsijiet akkademiċi u ta’ taħriġ, torganizza konferenzi konġunti, u tiffaċilita l-iskambju ta’ esperti u toħloq pjattaforma għad-djalogu, l-innovazzjoni, u l-progress. Iċ-Ċentru ta’ Riċerka u Innovazzjoni Agrikola se jservi bħala pedament għal din il-kollaborazzjoni, biex b’hekk Malta tkun tista’ tiġġenera għarfien li jkun kemm rilevanti lokalment kif ukoll li jħalli impatt globali.
“Ejjew niftakru li l-isfidi li niffaċċjaw bħas-sikurezza tal-ikel, it-tibdil fil-klima, u l-iżvilupp rurali mhumiex limitati mill-fruntieri. Dawn jeħtieġu azzjoni kollettiva, għarfien kondiviż, u impenn bla heda. Permezz ta’ din is-sħubija, aħna naffermaw mill-ġdid id-dedikazzjoni tagħna għall-bini ta’ futur sostenibbli għar-reġjun tagħna,” temm jgħid il-Ministru Anton Refalo.