Fi ħdan l-Awtorità tad-Djar twaqqaf dipartiment ġdid li se joffri assistenza u servizz professjonali mingħajr ħlas lil kull min jintlaqat minn proċeduri marbuta mal-kirjiet residenzjali ta’ qabel l-1995.
Is-servizz f’dan id-dipartiment se jinkludi koordinazzjoni kompleta, pariri u assistenza legali lil min ikollu bżonn.
Mill-ewwel ta’ Ġunju se jidħlu fis-seħħ il-liġijiet il-ġodda li jirregolaw kirjiet residenzjali kontrollati wara li ġew approvati b’mod unanimu fil-Parlament.
Waqt li inawgura dan id-dipartiment, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal kif dan huwa l-ewwel pass fit-twettiq tal-akbar riforma soċjali f’pajjiżna.
Huwa qal, “Qed inwaqqfu unit ġdid apposta biex jgħin u jassisti u jagħti l-informazzjoni wkoll. Dan huwa settur li jolqot madwar 10,000 familja u għalhekk qed nitkellmu fuq djar tan-nies u anke fuq dritt tat-tgawdija tal-propjetà tas-sidien.”
Intqal kif dawn il-ħaddiema tal-awtorità, li se jkunu qed joffru dan is-servizz, qegħdin jitħarrġu minn professjonisti tas-saħħa mentali biex is-servizz ikun adegwat u sensittiv.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li permezz ta’ dan id-dipartiment ġdid l-Awtorità qed tkun viċin in-nies waqt li tagħmel riforma oħra suċċess.
Is-Sur McKay sostna: “Illum huwa pass importanti għall-awtorità għaliex is-sena l-oħra l-awtorità ngħatat l-inkarigu li tirregola s-settur tal-kirjiet ta’ wara l-1995, illum l-awtorità għandha rwol ġdid. Dak li tara li l-liġi li għadda kemm għaddiet li tikkonċerna l-kirjiet l-antiki, il-kirjiet protetti, l-awtorità tara li minn fuq karta din il-liġi issa tiġi implimentata.”