Is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali jħabbar li waqqaf bord biex jistudja, jipproponi u jgħin fl-implimentazzjoni ta’ politika għal akkomodazzjoni affordabbli.
Fost l-oħrajn, il-bord se jiffoka fuq il-viabiltà ta’ proġetti pilota differenti li għandhom l-għan li jkattru l-provista ta’ bini residenzjali b’rati affordabbli. Il-bord se jkun immexxi mis-Sur Joe Bartolo, u se jiġi mwaqqaf fi ħdan l-Awtorità tad-Djar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega li dan hu kunċett ġdid li hu differenti mill-isfidi tradizzjonali ta’ akkomodazzjoni soċjali.
“L-għan tal-Gvern hu li jgħin biex mingħajr ma jxekkel is-suq, fis-settur tal-propjetà jibqa’ jkun hawn akkomodazzjoni affordabbli biex b’hekk is-suq lokali tassew joffri għażla għal but ta’ kulħadd. Dawn huma sfidi ta’ housing li mhumiex bilfors diffikultajiet soċjali, għalhekk qed inħarsu biex l-Awtorità tad-Djar twessa’ l-iskop u l-ħidma tagħha biex tkun f’pożizzjoni li tilħaq kategoriji differenti tas-soċjetà,” spjega Roderick Galdes.
Hu spjega li mudelli simili ta’ housing affordabbli ilhom jitħaddmu madwar l-Ewropa għal għexieren ta’ snin, fejn art tingħadda lil entrapriżi soċjali li mbagħad iħaddmu mudell soċjali ta’ kif jibnu u jamministraw il-proġett b’rati inqas minn tas-suq.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay tenna li akkommodazzjoni affordabbli tfisser serħan il-moħħ u stabbiltà għal dik il-familja li s-suq preżenti ma joffrilhiex alternattiva.
“Fil-politika li tressaq ’il quddiem, l-Awtorità tad-Djar qed tassigura li tkun sensittiva u relevanti għal bżonnijiet ta’ individwi minn faxex differenti tas-soċjetà. Din hi l-politika l-ġdida li se tinkoraġġixxi l-mobbiltà soċjali biex dawn il-familji jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem,” temm jgħid Leonid McKay.