Għal darb’oħra twaħħlu posters ġodda madwar Malta u Għawdex fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap Adrian Delia. Posters bil-messaġġ: “Delia jibża’ mit-tesserati.”
Il-grupp Trapass li kien il-moħħ wara t-twaħħil ta’ posters oħrajn fil-ġimgħat li għaddew ħa r-responsabbiltà ta’ dan il-poster. Fost il-ħafna lokalitajiet madwar il-pajjiż dawn twaħħlu wkoll mad-dawra tad-Dar Ċentrali fil-Pieta.
Irraporta dan is-sit tal-Knisja Newsbook li dan l-aħħar qed ikun minn tal-ewwel li jmexxi l-aġenda ta’ Simon Busuttil sabiex jattakka l-klikka ta’ Adrian Delia. Il-messaġġ fuq dawn il-posters jirreferi għal fatt li Adrian Delia ma talabx vot ta’ fiduċja fi żmien ta’ inkwiet kbir għall-Partit Nazzjonalista. Inkwiet li ħa żvolta għall-agħar wara t-telfiet tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew.
Ta’ min jinnota kif l-istess posters segwew lil dawk ta’ qabilhom bil-kliem “In-Nazzjon tagħna” u fil-qiegħ tiegħu il-kliem “Stamperija Indipendenza.”
Mal-istess sit il-grupp Trapass qal li Adrian Delia mhux se jilħaq qatt Prim Ministru u qed jistaġna lill-Partit bl-ebusija ta’ rasu.
Apparti f’Tal-Pietà, il-posters twaħħlu wkoll, mal-Każin tal-PN f’Ħ’Attard, f’ Ħal Balzan u f’Ħal Lija u f’Għawdex, fis-Sannat, fir-Rabat u mar-roundabout tal-Imġarr.