Mal-Mitħna tax-Xarolla, twaħħlu l-aħħar żewġ antenni wara xhur twal ta’ ħidma biex wara li jsiru l-aħħar irtokki, terġa’ tieħu postha bħala attrazzjoni li tolqot l-għajn fir-raħal pittoresk taż-Żurrieq.
F’Marzu tal-elfejn u tnejn u għoxrin, din il-mitħna kienet sofriet ħsarat estensivi kawża ta’ maltempata qawwija.
B’konsegwenza tad-danni li ġarrbet, l-antenni kollha tal-mitħna kellhom jinbidlu għalkollox.
Proċess li ħa xhur twal hekk kif l-antenni tal-mitħna kellhom jerġgħu jinbnew mill-ġdid minn tliet tipi ta’ injam differenti.
Dawn ix-xogħlijiet ġew fdati lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-ħaddiema li llum qed jirritornaw din il-pilastru ta’ storja lura liż-Żrieraq, diġà ħadmu fuq il-mitħna diversi drabi, kif spjegalna l-uffiċjal tekniku Noel Polidano.
Qal, “Meta konna apprentisti prattikament in-nies li konna qed naħdmu hawnhekk, jien inkluż konna apprentisti ħdimna fuqha. Din issa qed nieħu ħsiebha jekk mhux sejjer żball għall-ħames darba imma hija l-iktar darba li prattikament biddilna kollox fiha għax id-drabi ta’ qabel, daqqa għax biddilna xi antenni, daqqa biddilna xi ventijiet, daqqa għamilna xi manutenzjoni. Din id-darba le, din id-darba dak kollu li hu viżibbli minn barra nbidel kollox.”
Qalb iż-Żrieraq hemm sens ta’ stennija kbira, kif spjegalna s-Sur Polidano.
Qal, “Meta mmur il-quddies filgħodu kulħadd jiġi jgħidli meta ħa tkun lesta, u qed tagħmlu biċċa xogħol tajba, qed jilqgħuna ħafna sew. Is-sodisfazzjon huwa kbir, għax li tara għandek biċċa xogħol, arti bħal din, filli t-temp kissirha u issa qed nerġgħu nagħtuha dak li jistħoqqilha huwa ta’ sodisfazzjon.”
Sodisfazzjon ukoll meta wieħed jiftakar li din hija waħda mill-aktar imtieħen popolari fil-pajjiż u għandha storja twila tant li toħodna lura għall-Ordni ta’ San Ġwann.