Kumitat tas-Senat fil-Brażil ivvota biex il-President Jair Bolsonaro jaffaċċja akkużi fuq il-mod kif amministra l-pandemija tal-Covid-19.
Minn ħdax-il membru, sebgħa appoġġjaw rapport li sejjaħ għal disa’ akkużi fil-konfront ta’ Bolsonaro, fosthom reati kontra l-umanità.
Is-Senatur li mexxa l-Kumitat, Omar Aziz, mistenni jagħti dawn l-aġġornamenti lill-Prosekutur Ġenerali tul il-jum tal-Erbgħa.
Il-President tal-Brażil kien iddikjara li mhu ħati ta’ xejn.
Aktar minn sitt mitt elf persuna fil-Brażil mietu minħabba l-Covid, li jagħmlu t-tieni l-aktar pajjiż milqut fid-dinja fejn jidħlu mwiet kawża tal-infezzjoni.
Dan ir-rapport ma jagħti l-ebda garanzija li jsiru akkużi kriminali fil-konfront ta’ Bolsonaro, hekk kif ir-rakkomandazzjonijiet iridu jiġu assessjati mill-Prosekutur Ġenerali tal-Brażil, li kien appuntat mill-President innifsu u allura mistenni jipproteġi lill-istess President.