Inħatfet fi ftit xhur l-iskema tal-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar “Irrestawra Darek”. Biex it-tmien miljun ewro disponibbli skont skema tal-aħħar baġit huma allokati kollha.
Dawn id-dettalji dwar din l-iskema suċċess ingħataw dalgħodu mis-Segretarju Parlamentari, Deborah Schembri. Ħafna mill-fondi għal din l-iskema ġew mill-proċess ta’ regolarizazzjoni tal-istess awtorità.
Taħt din l-iskema, first-time buyers ta’ binjiet residenzjali skedati fi Grad 1 u Grad 2, setgħu japplikaw għar-rifużjoni ta’ 70% tal-ispejjeż tax-xogħol tar-restawr u konservazzjoni fuq il-faċċata u l-intern eliġibbli sa massimu ta’ €100,000.
Min-naħa l-oħra first-time buyers ta’ binjiet residenzjali li jinsabu ġewwa Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA) setgħu japplikaw għar-rifużjoni sa massimu ta’ €10,000. L-iskema kienet miftuħa wkoll għal proprjetarji ta’ residenzi privati li jinsabu ġewwa Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA), li jixtiequ jagħmlu xogħol ta’ restawr u manutenzjoni fuq il-faċċata tal-binja antika tagħhom.
Propjetarji ta’ dawn it-tip ta’ residenzi jistgħu japplikaw għal rifużjoni ta’ 70% fuq xogħlijiet, sa massimu ta’ €10,000. Fir-rigward ta’ binjiet skedati fi Grad 1 jew Grad 2, l-iskema ta’ għotja tipprovdi rifużjoni sa mhux aktar minn massimu ta’ €100,000.