L-Istitut għax-Xjenzi Spazjali u l-Astronomija (ISSA) tal-Università ta’ Malta beda jopera Osservatorju Astronomiku Nazzjonali f’Għawdex. L-Osservatorju, li ġie installat fin-Nadur, huwa l-ewwel wieħed tal-għamla tiegħu fil-gżejjer Maltin, u għaldaqstant jirrappreżenta pass importanti għall-astronomija lokalment.
Il-faċilità se tkun użata għal proġetti ta’ riċerka, ħalli tħarreġ studenti li qed jispeċjalizzaw fl-astronomija sabiex jakkwistaw u janalizzaw data astrofiżika kif ukoll sabiex jiġi ingaġġat il-pubbliku ġenerali permezz tad-disseminazzjoni ta’ ritratti tal-ispazju u attivitajiet edukattivi.
L-osservatorju ġie ffinanzjat mid-direttorat ta’ EcoGozo fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex wara Memorandum ta’ Ftehim bejn EcoGozo u l-Università ta’ Malta fl-2019.
L-Istitut ħabbar li fl-aħħar ġimgħat, l-osservatorju kiseb l-hekk imsejjaħ “first light” – terminu użat biex jiddeskrivi l-ewwel ritratti astronomiċi miksubin permezz ta’ teleskopju wara li jkun ġie installat u wara l-kalibrazzjoni inizjali tiegħu. Dawn jinkludu ritratti tal-qamar felli u tliet ritratti ta’ galassji mbiegħda – M51, magħrufa wkoll bħala l-“Whirpool Galaxy”, M81, magħrufa bħala “Bode’s Galaxy” u M63, magħrufa bħala “Sunflower Galaxy”.