Aktar kmieni llum, matul il-jum ittellgħu żewġ protesti fil-Belt Valletta, b’waħda minnhom tkun favur l-abort filwaqt li l-oħra kontra.
Il-protesta favur l-abort bdiet fi pjazza Kastilja, u minn hemm imxiet mat-toroq tal-belt kapitali, fejn dawk preżenti kkampanjaw favur aċċess għall-abort bla ħlas.
Il-protesta baqgħet sejra sal-Ġnien ta’ Hastings fejn numru ta’ kelliema esprimew is-sentiment tagħhom favur l-abort u r-raġunijiet warajh. Huma qalu kif f’pajjiżi oħra meta mara ma tkunx tixtieq tkompli bit-tqala tagħha, hija għandha d-dritt li ttemm it-tqala.
Tkellmu wkoll dwar kif l-aċċess għall-abbort hija kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali u kif liġi li tipprojbixxi l-abort hija forma ta’ oppressjoni fid-dawl li dan fi kliemhom huwa servizz essenzjali.
Intant, fil-Kapitali Maltija wkoll kien hemm protesta oħra, din id-darba kontra l-abort.
Hawnhekk il-kelliema stqarru li m’humiex se jibqgħu silenzjużi quddiem il-moviment li qed jikkampanja sabiex jiddaħħal l-abort f’pajjiżna.
F’din il-protesta organizzata mill-organizzazzjoni, “Abortion in Malta? Not in my Name,” intqal ukoll li l-valur tal-ħajja umana qed titlef il-valur tagħha.