Dak li fadal mill-opra tal-baħar li ħadet in-nar u għerqet f’Bighi l-ġimgħa l-oħra, ittella’ minn qiegħ il-baħar il-bieraħ waranofsinhar. Dawn il-fdalijiet tniżżlu l-art għal aktar investigazzjonijiet.
Transport Malta segwiet is-sitwazzjoni mill-qrib mill-bidu tal-aċċident u baqgħet f’kuntatt ma’ sid id-dgħajsa u mal-Pulizija. Malli l-Pulizija ħarġu l-awtorizzazzjoni, l-Awtoritá tat istruzzjonijiet lis-sid biex ineħħi l-fdalijiet mill-aktar fis possibbli biex jitnaqqas il-periklu.
Is-sid ikkoopera b’mod sħiħ u qabbad kumpanija biex jitneħħa dak li kien għad fadal mid-dgħajsa minn qiegħ il-baħar permezz ta’ għaddasa u b’tagħmir speċjalizzat. L-uffiċċjali ta’ Transport Malta li jaħdmu l-Vessel Traffic Services, fit-Taqsima tal-Port Inspectors u tal-Infurzar fuq il-Baħar assiguraw li din l-operazzjoni titwettaq b’mod sikur.
Dak in-nhar tal-aċċident, l-uffiċċjali ta’ Transport Malta kienu fuq il-post biex jissorveljaw f’każ ta’ xi tixrid ta’ żejt jew kontaminazzjoni. Ħaddiema tal-Marina, tal-Protezzjoni Ċivili u entitajiet oħra, ġabru l-fdalijiet li kien fadal wara li d-dgħajsa nħakment min-nirien, speċifikament fdalijiet li setgħu kienu ta’ detriment għal biċċiet tal-baħar oħra.
L-Awtoritá baqgħet tissorvelja l-fdalijiet u ikkooperat ma’ entitjiet oħra biex tassigura l-inqas kontaminazzjoni possibbli. L-Awtoritá kienet taf bil-lega rqiqa li ffurmat f’wiċċ il-baħar fil-Kalkara kawża tal-aċċident iżda din ma setgħetx titneħħa. Din il-lega evaporat u sparixxiet b’mod naturali.
Transport Malta tieħu l-opportunitá biex tfaħħar l-azzjonijiet għaqlija u f’waqqthom li ħadu l-impjegati tal-Marina u li grazzi għalihom ġie evitat li l-aċċident ikun wieħed ta’ natura aktar serja.