Telgħu l-poloz għar-regatta ta’ Jum il-Ħelsien li se ssir fil-Port il-Kbir nhar il-Ħadd li ġej. Il-poloz ittellgħu waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirrizzata mill-President tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u qdif ieħor Stephen Paris u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima.
B’kollox se jsiru 11-il tiġrija: ħamsa tal-kategorija A għar-rebħ tax-shield tal-Ħelsien, ħamsa ta’ Kategorija B u għal darb’oħra se ssir tiġrija għal qaddiefa nisa.
Din se tkun l-40 edizzjoni tar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien u għal dan il-għan l-Għaqda Regatta Nazzjonali ħadet ħsieb li tirrestawra x-shield tal-kategorija A. Tħabbar ukoll li ġiet ikkummisjonata shield għat-tiġrija tan-nisa.
Ġie żvelat ukoll il-logo ġdid tal-assoċjazzjoni, logo li ntgħażel permezz ta’ kompetizzjoni u li jirrapreżenta kemm il-qdif tradizzjonali Malti kif ukoll dak internazzjonali.
L-ewwel tiġrija nhar il-Ħadd li ġej se tibda fin-nofsiegha u tkun dik tal-Frejgatini għall-qaddiefa nisa.