Tard wara nofsinhar il-Ħadd, fil-korsa tal-Marsa sar l-aħħar programm qabel jibda l-kampjonat tas-Sajf li kien jikkonsisti fi tmien tiġrijiet fosthom ħames finali tal-Kampjonat Le Trot għal żwiemel Franċiżi fuq distanza ta’ 2140m.
Il-finali għall-klassijiet Premier, Gold, Silver u Bronze xxandru dirett internazzjonalment permezz tal-istazzjoni televiżiv Franċiż Equidia biex ittieħdu mħatri fuqhom.
Il-ħames finali kienu bbilanċjati u r-riżultati ma ġabux xi sorpriżi. Il-Prix de Vincennes għall-ogħla klassi intrebħet faċilment mill-favorit Ut de Dompierre misjuq minn Michael Ellul biex din għalih kienet it-tielet rebħa konsekuttiva fejn iddomina mill-bidu dan il-kampjonat. Team Monceau misjuq mill-Għawdxi Marco Debono irreġistra t-tielet rebħa tal-istaġun hekk kif irreżista attakk qawwi fl-aħħar metri tal-Prix d’Enghien għall-Klassi Gold. Il-Prix de Cabourg għall-Klassi Silver intrebħet minn Uveo de Maza li rreġistra t-tieni rebħa tal-istaġun misjuq minn Noel Baldacchino. L-aqwa sewwieq tal-Malta Racing Club Rodney Gatt ma naqasx li jirreġistra rebħiet hekk kif irnexxielu jirbaħ żewġ finali b’konvinzjoni b’żwiemel li kienu qed jibdew bħala favoriti. Il-Prix de Cagnes Sur Mer għall-Klassi Bronze tat ir-raba’ rebħa konsekuttiva minn daqstant tiġrijiet lil Carat Darby u it-tielet rebħa konsekuttiva u l-ħames waħda tal-istagun lil Cesar du Bouillon fil-Prix de Caen għall-klassi Copper.
Wara dawn il-finali saret il-preżentazzjoni tat-trofej oriġinali u li tħejjew apposta lil dawk li spiċċaw mill-ewwel sal-ħames post. Din il-preżentazzjoni saret mir-rappreżentanta tal-assoċjazzjoni tat-trott Franċiża s-Sinjura Emmanuelle Morvilliers flimkien maċ-Chairman tal-Malta Racing Club is-Sur Edwin Borg.
Il-programm fetaħ bi tliet tiġrijiet normali fuq distanza ta’ 2640m. It-tnejn tal-Klassi Copper intrebħu mid-debuttant li daħal mir-riserva Eragon Tege misjuq minn Clint Vassallo fejn dan iż-żiemel ta’ 4 snin kien qed jieħu sehem għall-ewwel darba f’tiġrija uffiċjali u Very Crazy Quick misjuq miż-żagħżugħ Dylan Baldacchino biex irreġistra l-ewwel rebħa tal-istaġun.
Fi klassi Bronze kien Svennes Neon misjuq minn Noel Baldacchino li rreġistra l-ewwel rebħa staġjonali tiegħu.
Intant nhar il-Ġimgħa filgħaxija jibda l-Kampjonat tas-Sajf b’kull żiemel jiġri massimu ta’ tliet tiġrijiet biex dawk bl-akbar ammont ta’ punti jgħaddu għall-finali li jsiru l-Ħadd 29 ta’ Lulju.
Ritratt: Alex Azzopardi