Mad-29 immigrant ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta u ħamsa oħra mietu waqt l-istess operazzjoni fl-ibħra Maltin. Minn dawk salvati, mill-inqas tmienja kellhom jiddaħħlu għall-kura l-Isptar Mater Dei.
F’aġġornament lill-midja f’Xatt it-Tiben, id-Deputat Kmandant tal-Armata, Edric Zahra, spjega li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax neqsin kwart, meta l-awtoritajiet Maltin ġew informati li kien hemm dgħajsa mgħobbija bl-immigranti u li kienet tinsab ħames mili ’l barra miż-Żonqor, qrib fish farm.
Fuq il-post mar mill-ewwel ajruplan tal-Forzi Armati ta’ Malta li iddentifika l-pożizzjoni tad-dgħajsa.
Qal, “Billi kellna ajruplan tal-Forzi Armati qiegħed barra mill-ewwel intbagħat fil-lokazzjoni biex naraw u nivverifikaw l-informazzjoni li kienet daħħlet. Ftit tal-ħin wara, l-ajruplan individwa dgħajsa bl-immigranti abbord li bejn wieħed u ieħor kienet ta’ ħamsa u għoxrin pied b’żewġ muturi u li kienet mixja fid-direzzjoni lejn Malta u kienet bejn wieħed u ieħor tliet mili u nofs barra minn xtutna”.
Id-Deputat Kmandant spjega li kien hawn li l-Armata bagħtet lanċa tas-salvataġġ, li waslet fuq il-post fi ftit minuti u bdiet tagħti l-assistenza.
Qal, “Billi l-Armata ħafna drabi jkollna lanċa fin-naħa t’isfel ta’ Malta, mal-ewwel intbagħtet biex tagħti l-assistenza immedjata tagħna. U hekk ftit tal-mumenti wara d-dgħajsa individwat id-dgħajsa tal-immigranti fejn mill-ewwel bdiet tagħti l-assistenza li hemm bżonn. Dak il-ħin id-dgħajsa tal-immigranti kienet qiegħda fil-fish farm l-iktar viċin ta’ xtutna”.
Waqt li l-Armata bdiet tagħti l-assistenza, sfortunatament, id-dgħajsa nqalbet u diversi persuni spiċċaw fil-baħar. Intqal ukoll li l-instabilità fid-dgħajsa li nqalbet kienet fattur peress li din kienet mimlija bl-immigranti.
Il-membri tal-Forzi Armati rnexxielhom isalvaw 21 persuna oħra, li qed jinżammu fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi, ħames persuni tilfu ħajjithom u tmienja oħrajn, fosthom mara, kellhom bżonn jiġu rikoverati.
L-immigranti kienu ġejjin minn diversi pajjiżi, fosthom mis-Sirja, l-Eġittu, il-Ghana u l-Eritrea.
Id-Deputat Kmandant żied jgħid li l-operazzjoni kompliet anke wara biex jiġi assigurat li ma kien hemm l-ebda persuna oħra maqbuda f’xi diffikultà fil-baħar.
L-investigazzjonijiet ta’ diversi entitajiet, fosthom il-Pulizija, għadhom għaddejjin. Dwar il-każ infetħet investigazzjoni mill-Pulizija u inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq.
Intant b’rabta mal-istess aħbar, il-Gvern esprima s-sogħba tiegħu għat-telfa ta’ ħames ħajjiet waqt operazzjoni ta’ salvataġġ li l-Forzi Armati ta’ Malta qed tagħmel illum.
Fl-istess ħin irrikonoxxa l-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta li għal darba oħra salvat il-ħajjiet, f’dan il-każ 29 persuna. Il-Gvern radd ħajr ukoll lill-Forzi tal-Ordni l-oħra u t-tim mediku li assista.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Gvern temm jgħid li sfortunatament, traġedji bħal tal-lum huma xhieda tal-effetti tal-atti kriminali tat-traffikanti tal-bnedmin u b’hekk se jibqa’ jaħdem biex ikisser il-mudell ta’ dawk it-traffikanti.