30 għaddas minn Calypso Subaqua Club u Atlam Subaqua Club flimkien ma’ diversi voluntiera għenu lill-Malta Airport Foundation tiġbor madwar 1.8 tunnellata skart waqt attività ta’ tindif f’Marsaxlokk u Marsalforn.
Dan huwa ekwivalenti għall-piż tal-balena l-blu li hija l-akbar mammiferu fid-dinja.
Minn Marsaxlokk ittellgħu 800 kilogramma ta’ skart li kien jinkludi ammont sostanzjali ta’ flixken tal-plastik u tal-ħġieġ, numru ta’ tyres, magni u ħbula.
Dan filwaqt li f’Marsalforn, minkejja baħar imqalleb, it-tim ta’ għaddasa rnexxielhom itellgħu ammont ta’ skart goff fosthom, fdalijiet ta’ sellum.
Ittella’ wkoll madwar 1,000 kilogramma ta’ skart.
Din l-attività ttellgħet għat-tielet sena konsekuttiva li fiha, iċ-chairman tal-Fondazzjoni, Josef Formosa Gauci stqarr li fl-2050, l-umanità jaf taffaċċja realtà inkwetanti fejn l-ammont ta’ plastik fil-baħar jiżboq l-ammont ta’ ħut.
Hu sostna li ma nistgħux nibqgħu niddependu fuq l-isforzi ta’ ftit individwi u organizzazzjonijiet li għandhom għal qalbhom l-ambjent.