Fil-Mosta l-Gvern bħalissa għaddej b’ħidma biex jittellaw gradi tal-ħadid galvanizzat madwar il-pont ta’ Santa Margerita, magħruf bħala l-pont il-kbir, bil-għan li jkunu evitati inċidenti.
Il-kunsillier Alex Muscat spjega li peress li fl-inħawi jseħħu ħafna episodji li jwasslu għal telf ta’ ħajja, saret ħidma mill-Kunsill Lokali biex bi ftehim mad-Dipartiment tax-Xogħolijiet u bi qbil fuq id-disinn, jittellaw gradi apposta.
Spjega wkoll li dawn il-gradi, li fihom aktar minn mitejn metru, jippermettu li wieħed xorta waħda jgawdi l-veduta. Iżda wieħed m’għandux aċċess faċli għal-tarf il-pont daqs kemm kellu qabel. Il-pont jgħaddi minn fuq wied fond ħafna, u fi kliem il-Kunsillier, jekk tista’ tkun salvata mqar ħajja waħda, il-pont ikun irriżulta utli.
Interessanti wkoll li l-ħadid jista’ jinfetaħ. Huma bosta dawk li jħobbu jorganizzaw attività ta’ abseiling f’dan l-istess post. F’dak il-każ, il-Kunsill Lokali jipprovdi ċavetta li tkun tista’ tiftaħ katnazz biex il-grada jew inkella aktar minn grada waħda jinfetħu temporanjament.