Il-Ġimgħa filgħaxija ttella’ t-tielet workshop tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li ddiskuta s-saħħa, fiżika u mentali.
Il-workshop, li niżel fil-qalba tal-Kalkara, attira lejh diversi professjonisti, li tkellmu mill-perspettiva tagħhom waqt li ddiskutew ma’ dawk preżenti mill-pubbliku.
Nikita Zammit Alamango, il-President tal-fergħa Nisa Laburisti li kkontribwiet biex ittella’ dan il-workshop, fetħet id-diskussjoni fejn tenniet l-importanza li wieħed mhux biss jagħti kas is-saħħa mentali tiegħu, iżda jaħdem biex inaqqas l-istigma dwar is-suġġett.
Elaine Degiorgio, Chairperson tal-Fondazzjoni iDEAT, innotat ukoll kemm dan is-suġġett hu wieħed topiku u komuni, għax problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jolqtu lil kulħadd. Sostniet l-appell biex wieħed ma jiddejjaqx jitkellem dwar sfidi li jkun għaddej minnhom.
Charles Cassar, li hu psikoterapista, attribwixxa l-isfidi tas-saħħa mentali fil-preżent għall-istil ta’ ħajja popolari llum il-ġurnata kkaraterizzat minn materjaliżmu u nuqqas ta’ bilanċ fil-ħajja.
“Noħorġu minn din ir-realtà li qegħdin fiha fejn tifla ħafna strutturi u m’għandniex fejn immorru imma qisna dħalna f’materjaliżmu sfrenat biex nakkumulaw wealth pereżempju, xejn mhu xejn allura l-bniedem ma jkollux fuq xiex jimxi.”
Id-Direttur Operattiv fi ħdan l-FSWS, Remenda Grech, tkellmet dwar l-importanza ta’ aktar sensittività lejn dawk ta’ madwarna biex ħadd ma jibqa’ iżolat.
“Sfortunatament iktar ma d-dinja qed issir mgħaġġla, aktar ma d-dinja qiegħda tevolvi, iktar mhu qed naraw l-iżvilupp teknoloġiku illi huwa importanti u huwa realtà, ma nistgħux naħarbu minnhom. Imma aktar qed naraw nies li qed jispiċċaw aħna ngħidulhom iżolati, waħidhom.”
Hija nnotat ukoll li, f’dan l-ispirtu, l-FSWS qed toffri numru ta’ servizzi fil-qalba tal-komunitajiet.
L-Occupational Therapist, Maria Daniela Farrugia, tkellmet dwar l-importanza ta’ assistenza fil-komunità.
“Is-servizz fil-komunità fejn il-persuna tgħix hemmhekk huwa l-aqwa ambitu u dan qegħdin nagħmluh ukoll mhux għal Malta biss imma għax qegħdin insegwu wkoll dak li qed jiġri barra minn Malta bħalissa.”
Il-Psikologa Bernice Sant, li tispeċjalizza fuq l-isport, tenniet li l-atleti, b’mod partikolari, għandhom ukoll jagħtu kas lis-saħħa mentali tagħhom.
“Ħafna alteti fil-fatt jitfgħu xeba’ xogħol kuljum fuq ġisimhom imma mentalment ma jitfgħu xejn xogħol. Dan l-aħħar qed ikolli ħafna nies li jgħiduli, din l-aħħar ħaġa li fadalli x’nieħu ħsieb biex nara nitjiebx jew le fl-isport u hija l-aktar ħaġa kważi li hija importanti.”
Mar Cassar, li hu produttur tal-inbid u rrakkonta mill-esperjenza personali li ma ħallietux ikompli bil-ħajja normali tiegħu, iżda meta imbagħad ta kas saħħtu u bidel l-istil ta’ ħajja, rebaħ fuq din l-isfida.
“Għidt issa daqshekk, trid tagħmel xi ħaġa lil ommi, trid tagħmel xi ħaġa l-missieri, tird tagħmel xi ħaġa lit-tfal, għamilha imbagħad naraw. Sfidajt lill-vuċi.”
Dan il-workshop kompla jwitti t-triq għall-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’, nhar il-Ħadd bid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela mill-10:30 ta’ filgħodu ’l quddiem.