Is-Segretarji Parlamentari Keith Azzopardi Tanti u Alison Zerafa Civelli, flimkien ma’ Xjenza Malta, tellgħu workshop intitolat ‘Horizon Europe Missions: Empowering Local Communities’, li sar f’Villa Bighi, il-Kalkara.
Dan l-avveniment, maħsub speċifikament għall-kunsilli, ipprovda ħarsa dettaljata lejn l-opportunitajiet fi ħdan Horizon Europe, b’enfasi fuq il-ħames miri tal-Unjoni Ewropea dwar kif jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi globali fl-oqsma tas-saħħa, il-klima, l-ibliet, l-ambjent u s-soċjetà.L-hekk imsejħa missjonijiet tal-UE jiffokaw fuq bosta prijoritajiet ewlenin, inkluż il-Green Deal, il-Climate Adaptation Strategy, il-European Bauhaus u l-Beating Cancer Plan.

Il-workshop ġabar flimkien b’suċċess lill-partijiet interessati biex jesploraw l-opportunitajiet ta’ finanzjament, jibnu konnessjonijiet u jiksbu l-għarfien meħtieġ biex jgħinu fit-tfassil tal-futur tal-Ewropa.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni nnota r-rwol kruċjali tal-kunsilli fit-trawwim tal-innovazzjoni fil-komunitajiet tagħna u qal li dawn huma integrali fit-twassil tal-innovazzjoni fil-livell l-aktar bażiku u jiżguraw is-suċċess ta’ dawn l-inizjattivi.
“L-għan aħħari tas-Segretarjat responsabbli mir-riċerka u l-innovazzjoni hu dak li jieħu dawn is-suġġetti vitali għal pajjiżna kemm jista’ jkun għand in-nies fil-komunitajiet, fl-ibliet, fl-irħula Maltin u Għawdxin. Għalhekk, permezz ta’ dan is-seminar, permezz ta’ din il-laqgħa flimkien mal-Gvern Lokali, qed naraw kif nistgħu nkomplu nagħtu riżorsi lill-kunsilli lokali Maltin u Għawdxin biex iwettqu proġetti ta’ fejda għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali faħħret l-inizjattiva u qalet li dan l-avveniment hu pass ewlieni fit-tisħiħ tal-kunsilli biex jinvolvu rwieħhom u jsaħħu l-potenzjal kbir għal bidla soċjali pożittiva permezz ta’ dawn il-missjonijiet.
“Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni bejn Xjenza Malta u l-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex se nkunu qegħdin nressqu aktar servizzi viċin iċ-ċittadini u dak hu l-għan tagħna li, filwaqt li nipprovdu aktar għodod, aktar fondi u skemi lill-kunsilli lokali biex joħolqu aktar proġetti fil-qalba tal-komunità, għax irridu komunitajiet aktar b’saħħithom kuljum, inkunu qegħdin ntejbu wkoll is-servizzi li l-istess kunsilli lokali jkunu qegħdin joffru.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli