Hekk kif fi Frar tas-sena l-oħra l-MCAST nediet il-proġett ta’ riċerka bl-isem ‘STREAM’, it-Tlieta ttella’ seminar bil-għan li jkompli jibni fuq dak li diġà hemm fejn jidħol is-settur teknoloġiku u xjentifiku fil-qasam tad-data.
Permezz ta’ dan is-seminar, ġew trattati diversi oqsma fil-qasam tad-data, inkluż is-satelliti u l-ambjent. Flimkien, dawn l-oqsma qed ikollhom żvilupp fid-data teknoloġika tagħhom sabiex kull wieħed u waħda minnha jkollhom aċċess għad-data personalizzata fuq il-mobiles tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, faħħar dan il-proġett u saħaq li hu importanti li jkun hawn aktar seminars ta’ din ix-xorti għaliex ikomplu jikkontribwixxu fil-qasam teknoloġiku u xjentifiku ta’ pajjiżna.
“Dan huwa proġett interessanti ferm ta’ riċerka mill-MCAST li din id-darba jirrigwardja l-ispazju. Ħafna nies għadhom jaħsbu li l-ispazju ma japplikax għalihom mentri fil-verità naraw li IT applications li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum, insemmi l-GPS, u oħrajn li jintużaw fil-qasam tas-sajd, ippjanar, tal-ispazju – dawn kollha jużaw informazzjoni li ġejja mill-ispazju. Aħna bħala Gvern irridu nkunu minn ta’ quddiem sabiex ngħinu u anke saħansitra tiġi żviluppata niċċa ekonomika ġdida.”
Keith Azzopardi Tanti – Segretarju Parlamentari