L-Erbgħa ttella’ r-raba’ simpożju nazzjonali annwali mill-Istitut għall-Edukazzjoni li ffoka fuq diversi aspetti rigward il-qasam edukattiv f’pajjiżna.
F’dan l-ispirtu s-simpożju li għalih attendew madwar disgħin parteċipant, kellu t-tema “The Future is Now – Educators’ Vision for Tomorrow”, bl-għan ewlieni jkun dak li jiġġenera dibattitu u riflessjoni dwar il-qasam edukattiv għall-ġejjieni.
L-Istitut għall-Edukazzjoni ġabar l-iskejjel u l-edukaturi biex flimkien għamlu eżerċizzju ta’ konsultazzjoni li ġie ppreżentat f’dan is-simpożju.
Fost dak li nkiseb minn dan l-eżerċizzju li kien ikkomunikat f’dan is-simpożju inkludew l-għarfien tad-diversifikazzjoni tas-soċjetà Maltija u l-impatt li din għandha fuq is-settur edukattiv, il-ħtieġa li jiġu investigati l-fatturi li jattiraw jew ibgħiedu lill-istudenti milli jagħżlu karriera f’dan il-qasam, fost punti oħra li tqajjmu.
Dan l-Istitut pprovda wkoll numru ta’ rakkomandazzjonijiet biex ikompli jiġi addottat aktar tagħlim li fiċ-ċentru tiegħu jkun hemm l-istudent biex jindirizza l-ħtiġijiet li jkollhom studenti b’abbiltajiet differenti.
Fid-diskors tal-ftuħ li għamlet il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni Joanne Grima nnotat l-importanza li l-qasam edukattiv jħaddan l-integrazzjoni tat-teknoloġija u l-Intelliġenza Artifiċjali, fiwaqt li jkompli jippromwovi aktar il-ħsieb kritiku.
Fl-aħħarnett, hija enfasizzat l-importanza ta’ tagħlim personalizzat fejn jkunu esplorati metodi oħra ta’ assessjar li jmorru lil hinn minn dawk ta’ eżamijiet tradizzjonali iżda li jiffukaw aktar fuq il-formazzjoni tal-istudent.