L-Għanja tal-Poplu – Żgħażagħ 2019 ittella’ fi tmiem il-ġimgħa, (il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu 2019) . Il-kantanti parteċipanti kienu ta’ eta’ bejn il-11 u s-16-il sena. Is-sittax-il kanzunetta finalista kienu akkumpanjati minn ensemble mill-Malta Concert Orchestra, taħt it-tmexxija tal-Maestro Joe Brown.
Il-Kanzunetta Ħaġar Qim kantanta minn Gianluca Cilia fuq kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Philip Vella kisbet il-premju ta’ l-aħjar kanzunetta interpretata minn kantant mis-sezzjoni ta’ età minn 11 sa 12-il sena u rebħet il-ħames-edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ.
Filwaqt li l-kanzunetta Għoxrin interpretata minn Martina Galea Loffreda fuq kliem u mużika ta’ CorazÓn Mizzi, kienet l-aħjar kanzunetta fil-kategorija ta eta’ minn 13 sa 16-il sena.
Christabelle Borg kienet mistiedna speċjali li interpretat il-kanzunetta “Aċċettanti Kif Jien” li biha kienet rebħet l-istess festival lura fl-2006. Hija wkoll ppreżentat it-trofew li-rebbieħ tal-festival.
L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ ittella’ mill-Għanja tal-Poplu flimkien mal- Malta Concert Orchestra ta’ Pjazza Teatru Rjal, u l-Kulleġġ San Benedittu; bis-sapport tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Aġenzija Żgħażagħ, l-Akkademja tal-Malti u l-Planning Authority. PBS xandar dan il-festival b’mod lajv mit-Teatru ta’ San Benedittu, Ħal Kirkop.
L-Għanja tal-Poplu hija megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Partnership Agreement.