Daniż ta’ 73 sena ttella’ mill-baħar mejjet wara li sab diffikultà waqt li kien qed jogħdos.
Jidher li l-anzjan kien ma’ tim ta’ bugħaddasa li kienu qed jgħoddsu fix-Xatt l-Aħmar f’Għajnsielem Għawdex, u għal xi raġuni mhux magħrufa ma baqax mal-grupp u tela’ fil-wiċċ.
Dan seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar, u dlonk bdiet tfittxija minn tim ta’ bugħaddasa u dgħajsa tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Kien għall-ħabta tas-sitta tal-lejla li l-Pulizija daħlulha rapporti li ntlemaħ katavru fin-naħa tal-bajja tal-Armier.
Wara li marru fuq il-post, il-Pulizija kkonfermaw li l-katavru kien tal-istess persuna li kienet irrapurtata nieqsa aktar kmieni f’Għawdex, u kien kawża tar-riħ qawwi li hawn fil-gżejjer Maltin bħalissa li l-katavru inġarr mal-mewġ u minn Għawdex spiċċa l-Armier.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija minn Paul Coppini, li ħatar diversi esperti biex jassistuh.