Riżultat ta’ bosta miżuri li tħabbru f’budgets ta’ Gvern Laburista, il-persuni b’diżabilità li jaħdmu bi qligħ fis-suq tax-xogħol aktar minn tripplaw fl-aħħar snin.
Statistika ppubblikata fil-Parlament turi li bejn l-2009 u l-2013, kienu medja ta’ 100 persuna b’diżabiltà biss li kien jirnexxielhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Madankollu mill-2013 ‘l hawn is-sitwazzjoni nqalbet ta’ taħt fuq bil-medja titla’ għal aktar minn erba’ mitt impjieg fis-sena.
Dan wassal biex illum hawn aktar minn tlett elef u seba’ mitt persuna b’diżabilità li qegħdin jaħdmu bi qligħ f’pajjiżna.
L-istatistika mogħtija mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo turi li r-rata ta’ impjiegi ġodda ta’ persuni b’diżabilità telgħet għal bejn tliet mija u erbat mija fuq medda ta’ sena.
Il-Ministru Bartolo semma bosta miżuri li daħlu fl-aħħar snin li għenu biex aktar persuni b’diżabilita jidħlu fid-dinja tax-xogħol foshotm il-programm Sheltered Employment Training li jipprovdi taħriġ assistit għal persuni b’diżabilitajiet aktar severi.
Semma wkoll li persuni b’diżabilita jingħataw opportunità ta’ prova fuq il-post tax-xogħol għal numru ta’ ġimgħat u kif permezz tal-Iskema Aċċess għall-Impjiegi, jingħata sussidju ta’ 125 ewro fil-ġimgħa għal kull persuna b’diżabilità ġdida f’impjieg full-time.
Fil-każ ta’ impjieg part-time jingħata sussidju pro-rata ta’ bejn 20 u 30 siegħa fil-ġimgħa.
Min iħaddem jista’ jitlob ukoll biex jiġi eżentat mill-ħlas tal-bolla għall-impjegati rreġistrati b’diżabilità.
U fl-istess waqt jirċievi inċentiv fiskali ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija tas-salarju bażiku annwali għal kull persuna b’diżabilità sa massimu ta’ 4,500 ewro.