Tliet ħaddiema ta’ stabbilimenti tad-divertiment f’San Pawl il-Baħar ċaħdu li kienu involuti f’xeba’ li qala’ raġel quddiem l-istabiliment. Quddiem il-maġistrat Natasha Galea Sciberras tressqu Yermakov Mykhailo, Stepan Stankov and Dorde Dudic wara li allegatament attakkaw lil raġel barra l-istabiliment ‘Babylon’, tant li spiċċa isofri minn ġrieħi gravi.
L-ispettur Clayton Camilleri rrakkonta kif l-Ħadd filgħodu il-Pulizija irċeviet rapporti ta’ ġlieda fi Triq il-Ċavetta f’San Pawl il-Baħar.
Huwa spjega kif ftit wara, żewġ irġiel Afrikani marru quddiem l-għassa tal-Pulizija mimlijja demm u l-pulizija marru jinvestigaw fuq il-post. It-tliet akkużati ġew arrestati wara li l-Pulizija rat il-filmati tal-kameras tas-sigurtà.
Iż-żewġ bouncers u l-barman tal-klabb ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €5,200.