Ibrahim Ismail Farouk ta’ 32 miż-Żimbabwe wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ serq minn ħanut tal-merċa f’Ħal Qormi u Pastizzerija fl-istess lokalitá.
Dan hekk kif tressaq il-Qorti s-Sibt waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Dr Natasha Galea Sciberras.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Roderick Agius u Kevin Pulis spjegat li waqt patrol tal-Pulizija fis-26 ta’ Novembru semgħu alarm tas-sigurtà fil-viċinanzi f’Ħal Qormi. Malli marru fuq il-post huma arrestaw żewġ persuni fosthom Ibrahim. Wara li ġew elevati filmati tas-sigurtà, il-Pulizija nnutat li l-akkużat kien liebes l-istess ħwejjeġ li nqabad bihom.
Il-Prosekuzzjoni xlew lill-imputat b’serqa oħra fl-24 ta’ Novermbu minn pastizzerija f’Ħal Qormi.
Fiż-żewġ każijiet fis-serqa ttieħed cash register.
F’dan l-istadju d-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.
Intant dwar l-istess każ ta’ serqa mill-ħanut tal-merċa f’Ħal Qormi tressqet ukoll Stacey Spiteri ta’ 30 sena mill-Pietà li ġiet arrestata fuq il-post flimkien ma’ Ibrahim Ismail Farouk.
Hija wieġbet ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.
Madankollu il-Qorti ddeċidiet li tpoġġiha taħt ordni ta’ probation għal tliet snin minħabba li għandha bżonn l-għajnuna minħabba problema tad-droga.