Dominic Oziegbe, Niġerjan ta’ 35 sena u David Scicluna ta’ 39 sena, residenti f’Marsaskala, u Shardian Camilleri, ta’ 30 sena, residenti f’Ħaż-Żabbar, tressqu l-Qorti mixlija b’attentat ta’ serq u ħsara fuq cables, nhar is-Sibt filgħodu.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li rċiviet rapport ta’ ħsarat, mingħand kumpanija tat-telekomunikazzjoni, hekk kif il-klijenti tal-akwati, spiċċaw mingħajr servizz tal-internet.
Intqal li meta l-Pulizija, marru fuq il-post sabiex jassistu f’mina taħt l-art, qrib il-Ġonna tal-Argotti fil-Furjana, huma sabu xi persuni lebsin ilbies protettiv, mgħammra bl-għodda u b’diversi cables imremblin, li ħejjew sabiex iġorruhom magħhom.
David Scicluna, li fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, qal li ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fi stqarrija mill-Pulizija, intqal li Scicluna, kien deher iġorr xi cables, u malli nduna bil-preżenza tal-Pulizija ipprova jaħrab, filwaqt li avża liż-żewġ imputati l-oħrajn bil-preżenza tal-Pulizija. Malli l-Pulizija ordnatlu joħroġ minn fejn kien qed jistaħba, huwa ħareġ u ġie arrestat.
Dan filwaqt li Ogizbe, li qal li jaħdem fl-aluminium u Camilleri, li qal li ma jaħdimx, ammettew għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Intqal li minkejja li dawn iż-żewġ imputati kienu ppruvaw jgħaddu minn post ieħor f’din il-mina, huma ġew arrestati.
Fil-Qorti ma saret ebda kontestazzjoni għall-validità mill-arrest, filwaqt li ntqal li ma rreżistewx l-arrest.
Saret ukoll talba għal rikors, għall-ispejjeż li sofriet il-kumpanija, responsabbli għal dawn il-cables, li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor, 4,500 ewro.
Il-Qorti tat is-sentenza ta’ sentejn priġunerija, sospiżi għal erba’ snin lil Camilleri u lil Ogiezbe, filwaqt li ordnatilhom iħallsu l-ispejjeż, permezz ta’ ħlasijiet ta’ mitt ewro fix-xahar.
Dan filwaqt li l-proċeduri kontra David Scicluna, huma mistennija li jkomplu, hekk kif huwa m’ammettiex u nżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Rizzo, Darryl Borg u l-Avukat Brandon Bonnici f’isem l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.