6 Spanjoli tressqu l-Qorti akkużati b’diversi reati b’rabta ma’ inċident f’San Ġiljan il-Ġimgħa filgħaxija.
Huma kienu mixlija li ħebbew għal uffiċjali tal-Pulizija, vjolenza fuq uffiċjal pubbliku, li waqqfu uffiċjali tal-Pulizija jaqdu dmirijiethom, li kisru l-ordnijiet tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u li kisru l-paċi pubblika.
Is-6 persuni kienu akkużati wkoll separatament b’diversi reati oħra fosthom li kkawżaw ħsarat fuq affarijiet ta’ ħaddieħor u li darbu ħafif uffiċjali tal-Pulizija.
Tlieta mill-imputati wieġbu ħatja, u t-tlieta l-oħra wieġbu mhux ħatja.
Wara li qieset l-ammissjoni ta’ dawk li wieġbu ħatja, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marseann Farrugia kkundannat tnejn mill-imputati xahrejn ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €2,500 kull wieħed. it-tielet persuna kienet ikkundunata multa ta’ €900, multa ta’ €2,500 filwaqt li ġiet ordnata wkoll tħallas €365 fi spejjeż ta’ ħsarat li kkaġunat.
L-imputati l-oħra talbu għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni ma toġġezzjonax. Il-Qorti laqgħet it-talba fuq kundizzjoni li jidhru l-qorti kull darba li jkunu msejħa, li jiddepożitaw il-passaport jew kull dokument tas-safar li għadhom fil-pussess tagħhom, li ma jħallux jew jippruvaw iħallu dawn il-gżejjer, li ma jkellmux jew javviċinaw direttament jew indirettament xhieda tal-prosekuzzjoni, li ma jikkommetux reat ieħor, li jiffirmaw l-għassa ta’ San Ġiljan kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa bejn it-8:00 a.m. u t-8:00 p.m., li joqogħdu fl-indirizzi indikati mill-Prosekuzzjoni u li jkunu d-dar bejn il-11:00 p.m. u l-6:00 a.m., u li jkunu garanti għal €5,000 kull wieħed.