Żewġt irġiel, li jiġu ħaten xulxin, ġew akkużati li serqu u biegħu numru ta’ mowbajls.
Iż-żewġt irġiel Serbi, ta’ 39 sena u 41 sena, rispettivament tressqu quddiem il-Qorti l-Erbgħa filgħodu separatament.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Shamus Woods spjegat li l-Pulizija kienet qed tinvestiga każ ta’ serq ta’ kwantità ta’ iphones minn ħanut fl-Imsida fit-28 ta’ Frar. Irrimarkaw ukoll li nnutaw il-bejgħ ta’ iphone partikolari, imili għal wieħed misruq, onlajn. Kien hemm li l-Pulizija wettqu operazzjoni fejn għamluha ta’ xerrejja tal-iphones b’riżultat li arrestaw liż-żewġt irġiel.
Wieħed mill-irġiel wieġeb li hu ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata 9 xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar. Intant, ir-raġel l-ieħor qal li ma jinsabx fi stat ta’ saħħa tajba biex iwieġeb dwar il-ħtija tiegħu u għalhekk il-Qorti qieset li huwa mhux ħati. Huwa nżamm arrestat hekk kif ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.