Sqalli u żewġt Maltin huma t-tliet persuni li fil-jum tal-Ġimgħa tressqu l-qorti b’rabta mas-sejba ta’ aktar minn 30 kilo raża tal-kannabis fil-Ħamrun. It-tliet persuni ġew arrestati l-bieraħ f’rejd li sar mil-skwadra ta’ kontra d-drogi, assistiti mil-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.
L-ewwel li deher quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli kien l-Isqalli Salvatore Coco li skond dak li spjega l-Ispettur Jonathan Cassar, il-Pulizija kellha nformazjoni li kien ser jimporta d-droga lejn Malta.
L-Ispettur li mexxa l-każ spjega li meta l-Pulizija wettqu l-operazzjoni fil-Ħamrun, huma sabu vann bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni tal-Italja u fih sabu 32 kilo kannabis, kif ukoll żewġ boroz b’ €21,000 fi flus kontanti f’kull borża.
L-Avukat tal-Ġħajnuna Legali, Bejnamin Valenzia, f’isem l-imputat Sqalli wieġeb li mhux ħati ta’ dawn l-akkużi u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat u l-Qorti rrifjutat it-talba tal-libertà proviżorja.
Eżatt wara Salvatore, fi smiegħ separat tressqu Michael Aquilina u Gordon Schembri li huma ż-żewġt akkużati l-oħra f’ dan il-każ, b’ Aquilina jitressaq wara xahrejn biss igawdi l-ħelsien mill-arrest wara li s-sena l-oħra nqabad jdaħħal Malta, 70 kilo raża tal-kannabis.
L-uffiċjal prosekutur spjega fil-qorti li l-Pulizija sabet lil Schembri fil-garaxx u lil Aquilina f’karozza fl-istess triq u saħaq li ċ-ċirkostanzi juru biċ-ċar li kienu flimkien f’ dan ir-reat.
Iż-żewġt akkużati rrifjutaw li jwieġbu l-mistoqsijiet tal-qorti meta ntalbu jgħatu d-dettalji personali u permezz tal-assistenza legali tal-Avukat Kathleen Galea, talbu l-ħelsien mill-arrest għal-fatt li l-Pulizija la sabet drogi u lanqas flus fil-pussess tagħhom.
B’reazzjoni għal dan, il-prosekuzzjoni oġġezjonat u talbet lil Qorti biex tiżen in-natura serja tal-każ. Fakkret li Aquilina kien tressaq il-qorti fuq każ simili wara li nqabad idaħħal id-droga Malta permezz ta’ speedboat fl-Għadira, filwaqt li fakkret ukoll li Schembri kien qiegħed jiġi akkużat li kien riċediv.
Wara li eżaminat il-prova u x-xhieda tal-prosekuzzjoni, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jiġu ffriżati l-għassi tat-tliet akkużati.