Il-Gvern ippreżenta żewġ appelli għal żewġ sentenzi tal-Qorti fejn, bejniethom, ġie ordnat iħallas mija u ħdax-il miljun, mija u erbgħa u sittin elf u disa’ mitt ewro (€111,164,900) lis-sidien tal-eks ishma tan-National Bank of Malta li kien għalaq fl-1973.
Fl-appelli, il-Gvern sostna li l-intervent tiegħu biex isalva l-attività bankarja tan-National Bank billi din titkompla minn bank ieħor, kien meħtieġ biex jiġi evitat diżastru fl-ekonomija, it-telf tad-depożiti tad-depożitanti u l-faċilitajiet bankarji, u l-impiegi fl-istess bank.
Il-Gvern ilmenta li, għad li l-Qorti rrikonoxxiet dan fis-sentenzi appellati, xorta ġiet adottata viżjoni negattiva u ġie mpost kastig fuq il-finanzi pubbliċi llum talli ġie evitat diżastru ekonomiku wieħed u ħamsin sena ilu, qiesu dak li sar kien ħażin u ma messux sar.
Fi stqarrija it-Tnejn, il-Gvern reġa’ ssenjala li n-National Bank kien jieħu riskji li ma kienx jiflaħ għalihom u li kellu 40% tal-portafoll tas-self tiegħu ma jitħallasx meta kien dovut.
Fl-1972, in-National Bank kien ukoll sofra telf ta’ kapital u ta’ depożiti tal-banek l-oħrajn, iżda fl-1973 il-bank ma setax jikkontrolla l-ġbid mgħaġġel u intensiv ta’ flus u kieku ma intervjeniex il-Gvern bi flus il-poplu, in-National Bank falla.
Il-Gvern indika li kienu s-sidien tan-National Bank stess li kienu stiednuh biex jieħu l-bank f’idejh, għax dan kien fl-interess tagħhom ukoll biex b’hekk huma ma tilfux id-depożiti u l-faċilitajiet li kellhom mal-bank.
Fl-appelli l-Gvern ilmenta li l-Qorti kienet imxiet biss fuq espert wieħed u ma qisitx ix-xogħol ta’ esperta oħra, minkejja li rrikonoxxiet li x-xogħol tagħha kien validu u ma kkritikatux. Dik l-esperta kienet ikkonkludiet li l-ishma tan-National Bank fl-1973 ma kellhom ebda valur u li l-bank kien insolventi.
Fl-appell il-Gvern ilmenta wkoll mill-fatt li x-shareholders kienu fetħu dawn il-kawżi wara biss tmintax-il sena u allura wara li, bis-saħħa tal-Gvern, serrħu rashom mill-faċilitajiet tal-bank. Għalhekk il-Qorti setgħet ċaħdet il-kawżi wkoll għax il-ħsieb warajhom kien abbużiv.
B’kollox il-Gvern ressaq disa’ aggravji għal kull sentenza appellata.