Il-Gvern ressaq emendi f’żewġ atti tat-tariffi tal-Periti fil-każijiet tal-liġi tal-kera, li permezz tagħhom iċ-ċittadini mhux biss se jħallsu inqas spejjeż indipendentament mill-valur tal-propjetà, imma se jiġi faċilitat il-proċess ġudizzjarju fejn mistenni jonqos id-dewmien fil-kawżi.
Dawn l-Atti huma l-Att li jemenda l-Ordinanza li Tirregola t-Tiġdid tal-Kiri tal-Bini u l-Att li jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri tar-Raba.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, Eunice Grech Fiorini spjegat li l-liġi kif inhi fil-preżent ma tipprovdiex għall-ħlas ta’ rata fissa lill-membri tal-Bord tal-Periti meta dawn jiġu maħtura sabiex jagħmlu valutazzjoni ta’ kwalunkwe art agrikola, jew jagħtu opinjoni teknika marbuta ma’ każijiet quddiem il-Bord tal-Kontroll tal-Kiri tar-Raba’ u l-Bord li jirregola l-Kera.
Grech Fiorini spjegat li b’dawn l-emendi se tiġi introdotta tariffa ġdida li se tirregola il-ħlasijiet lill-Periti.
Qalet, “Importanti għax inaqqsu xogħol doppju, fejn hemm qbil bejn il-partijiet jew jekk hemm deċiżjoni tal-Qorti, ic-chair tal-Bord jista’ juża dak ir-rapport, minflok ma jerġgħu jimpjegaw periti oħra.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis spjega li l-Gvern qed ikompli juri kemm huwa mpenjat li jibqgħu indirizzati l-anomaliji fis-suq tal-kera.
Qal, “Fil-proċeduri li qed nagħmlu, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja jkollha l-għajnuna, b’inqas spejjeż u jekk ikun hemm rapporti li huma lesti jintużaw f’każijiet oħra, sabiex il-ġustizzja tkun aktar effiċjenti u nevitaw żmien itwal bla bżonn. Din hija ġustizzja biex tipproteġi ċittadin li jista’ jieħu r-rwol ta’ protagonist anke f’dawn ir-riformi.”