Tressaq il-Qorti, Dominic Vella, ċittadin Ingliż li jgħix Malta u li nqabad fuq il-katamaran li ġie Malta minn Sqallija bi tmintax-il kilo ta’ droga kokaina u eroina.
Kienu l-klieb mis-sezzjoni tad-droga li wasslu għal din is-sejba kbira ta’ droga li kienet moħbija fi trakk u li kienet maqsuma f’sitt kilo kokaina u tnax-il kilo eroina.
L-Ispettur Pulis mill-iskwadra tad-droga spjega fil-Qorti li l-Ħamis l-uffiċjali tal-Pulizija kienu għaddejjin bi tfittxija ta’ rutina fil-Valletta Waterfront fuq vetturi li waslu minn Sqallija.
Kienu l-klieb mis-sezzjoni tad-droga li ġibdu l-attenzjoni tal-Pulizija li fit-trakk tar-raġel tat-tip Mazda Titan Truck setgħa kien hemm id-droga.
Minkejja li fit-tfittxija inizjali ma deherx li kien hemm sustanza illeċita, l-klieb komplew juru interess fit-trakk u għalhekk it-trakk ittieħed fil-garaxx tal-Pulizija biex jiġi żarmat. Kien f’dan il-punt li l-uffiċjali tal-Pulizija sabu d-droga fix-xażi tal-karozza.
Vella, li huwa residenti San Pawl il-Baħar ġie akkużat b’importazzjoni u pussess ta’ droga kokaina u eroina. Huwa ġie akkużat ukoll li uża numru ta’ reġistrazzjoni mhux awtorizzat fuq it-trakk tiegħu.
Fuq il-parir tal-Avukat tiegħu, l-akkużat ma wieġeb għall-ebda mistoqsija li saritlu fil-Qorti u lanqas biss ikkonferma ismu. Għall-qorti s-silenzju tiegħu kien ifisser li qed iwieġeb mhux ħati. Id-difiża infurmat lill-Qorti li f’dan l-istadju l-akkużat mhux se jkun qed jitlob il-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti ordnat li jsir inventarju tal-assi u l-ġid kollu tal-akkużat u ordnat li dawn jiġu ffriżati sakemm jiġi deċiż il-każ. Il-każ se jkompli jinstema’ t-Tlieta.