Isaac Grech ta’ 23 sena mill-Marsa baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li nqabad fil-fatt jisraq mill-Pulizija minn ħanut f’Raħal Ġdid.
Il-każ seħħ Il-Ħadd, għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħaxija, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm raġel suspettuż liebes hoodie u maskra f’ħanut fi Triq Ħaż-Żabbar, Raħal Ġdid.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u kif daħlu fil-ħanut sabu lill-kaxxiera, li kienet tidher imbeżżgħa, kif ukoll lir-raġel.
Ir-raġel mill-ewwel ħareġ jiġri ’l barra, u l-Pulizija ġrew warajh u bdew jagħtuh l-ordnijiet biex jieqaf, iżda huwa injora dawn l-ordnijiet.
Il-Pulizija eventwalment qabditu imma baqa’ jirreżisti.
Waqt li kien qed jirreżisti nnutaw li kellu sikkina fuqu, u għalhekk kellu jintuża t-taser biex ir-raġel jiġi kkontrollat u arrestat.
Minn stħarriġ li sar ħareġ li l-akkużat hedded lill-kaxxiera – mara ta’ 27 sena – b’sikkina u talabha l-flus, iżda f’dak il-ħin eżatt waslu l-Pulizija.
Ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.
Fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt, il-Prosekuzzjoni akkużat liż-żagħżugħ li kiser il-kundizzjonijiet ta’ żewġ każijiet separati.
L-akkużat wieġeb mhux ħati u l-Avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni.