Ryan Cutajar, ta’ 37 sena mill-Fgura nżamm arrestat, wara li l-Ħadd filgħodu tressaq il-Qorti mixli fost l-oħrajn b’pussess aggravat u traffikar tad-droga.
Fil-Qorti ntqal kif l-imputat, kien ilu jiġi osservat għal xi żmien, wara xi informazzjoni li ġiet mgħoddija lill-Pulizija, li huwa kien involut fi traffikar tad-droga, bejn Malta u Sqallija.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif meta Cutajar ġie lura Malta minn Sqallija, minn tfittxija li saret irriżulta li kien hemm ‘channel’ mal-qiegħ tal-karozza, fejn instabu 16-il blokka, b’7 kilos u nofs kokaina, kif ukoll xi ammonti ta’ kannabis.
Cutajar, li jaħdem bħala xufier, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata.
Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono talbet għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif m’hemmx biżżejjed provi u lanqas xhieda pajżana. Barra minn hekk intqal li m’hemmx biża’ li jaħrab mill-pajjiż.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Alfredo Muscat, oġġezzjonat għal din it-talba u semmiet kif dan kien jaqta’ kull kuntatt, isiefer dejjem fil-jum tal-Ħadd u jibbukkja kollox fl-aħħar mumenti.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif l-investigazzjonijiet b’rabta ma’dan il-każ, għadhom għaddejjin u hemm il-biża’ ta’ intralċ tal-provi.
Il-Prosekuzzjoni għamlet ukoll talba għall-iffriżar tal-assi tal-akkużat, liema talba ntlaqgħet mill-Qorti.