Raġel ta’ 56 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet wara li tressaq il-Qorti mixli b’reati finanzjarji u anki ta’ theddid.
L-akkużat ġie mixli li wettaq kummerċ mingħajr ma kellu liċenzja u li ħadem fis-suq finanzjarju mingħajr liċenzja valida. Ġie akkużat ukoll li insulenta u hedded persuna oħra u li uża b’mod ħażin apparat ta’ komunikazzjoni, fost oħrajn.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u ngħata dan mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €20,000.