Madwar xahar qabel li l-Gvern hu mistenni jressaq il-Budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta d-dokument ta’ qabel il-Budget bit-tema “Lejn Ekonomija Sostenibbli.”
F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Borża ta’ Malta, il-Ministru Scicluna sostna kif il-messaġġ ewlieni wara dan id-dokument huwa wieħed ta’ serħan il-moħħ u li l-Gvern jinsab wara kulħadd speċjalment dawk li intlaqtu b’mod negattiv mill-pandemija.
Id-dokument imsejjes fuq xejn inqas minn għaxar pilastri jittratta s-sostenn ta’ setturi ekonomiċi eżistenti, il-ħarsien soċjali, titjib fl-infrastruttura, ħarsien tal-ambjent u l-governanza t-tajba flimkien mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
Spjega kif l-ewwel parti ta’ dan id-dokument jispjega kif il-kriżi finanzjarja kkawżata mill-pandemija Covid-19 sabet lil Malta ppreparata.
Il-Ministru Scicluna spjega kif is-suċċess ta’ kif il-Gvern iġġieled il-pandemija mil-lat ekonomiku wasal grazzi għall-għaqal li bih ħadem fl-aħħar snin.
Fosthom il-ħidma tiegħu sabiex naqqas id-defiċit u d-dejn li kellu l-pajjiżna u li wasal taħt amministrazzjonijiet preċedenti.
Il-Ministru Scicluna stqarr: “Ħafna xebgħu jisimgħu bil-kelma surplus. Illum jafu xi tfisser. Jiġifieri huwa minnu li issa li inti qed taffaċċja kriżi trid tara xi strumenti se tuża’, tnaqqas jew ma tnaqqasx it-taxxa, iżżid jew ma żżidx il-konsum, eċċ, dawk iva imma l-parti l-kbira tal-preparazzjoni kellha tkun jew inkella fil-pajjiż jew l-ekonomija tkun preparata u li għandha l-ispazju u l-ossiġnu biex imbagħad tagħmel dak li trid tagħmel.”
Il-Ministru Scicluna ta rendikont tal-miżuri li ġew imħabbra fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika li ħabbar il-Prim Ministru f’Ġunju li għadda.
Qal li riżultat ta’ dawn il-miżuri, id-dħul tal-ħaddiema fit-tieni kwart ta’ din is-sena kien protett mid-daqqa ekonomika tal-COVID-19 hekk kif il-pagi u s-salarji żdiedu b’€55 miljun, meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena 2019.
Semma li dawk li xtraw u biegħu l-propjetà, bejniethom iffrankaw madwar €21 miljun f’taxxa, mifruxa fuq madwar 2,400 kuntratt. Id-differiment tat-taxxa sal-aħħar ta’ Mejju laħħaq is-€60 miljun, filwaqt li sal-aħħar ta’ Ġunju 13-il kumpanija u 237 negozji żgħar u medji bbenefikaw mill-iskema ta’ sussidju fuq l-interessi.
Qal li l-akbar għajnuna finanzjarja ngħatat bil-ħlas tal-pagi li sal-aħħar ta’ Lulju laħqet il-€160 miljun u li minnha bbenefikaw madwar 79,500 ħaddiem, 11,400 ħaddiem li jaħdem għal rasu u madwar 4,200 kumpanija.
Sostna wkoll li t-tkabbir ekonomiku li kisbet Malta sena wara sena, wasal għax pajjiżna qatt ma ffissa aspettattivi għolja li qatt ma setgħu jintlaħqu.
Saħaq kif dan kif wieħed minn fost ħafna żbalji t’amministrazzjonijiet preċedenti Nazzjonalisti, hekk kif iffissaw miri u aspettivi għoljin li malli ma ntlaħqux wasslu għal nuqqas ta’ fiduċja fl-ekonomija Maltija.
Qal ukoll kif dan il-Gvern ma jixtieqx iżid it-taxxa allura spjega li d-defiċit tas-sena d-dieħla jrid ikun wieħed sostenibbli sabiex nibqgħu bl-istess pjan ta’ taxxi.
Il-Ministru Scicluna sostna: “Pajjiżna ma jixtieqx iżid it-taxxi u għalhekk irridu nkunu attenti li d-defiċit li nagħmlu għas-sena d-dieħla ma jissarafx f’defiċit għall-futur u allura nkomplu u allura nkomplu bis-sistema ta’ taxxi li għandna u jkunu biżżejjed biex nerġgħu nagħmlu breakeven fis-snin ta’ wara.”
Intant fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela qal li d-dokument ta’ qabel il-budget juri li Malta miexja ‘l quddiem mis-suċċess li diġà nħoloq b’rabta mar-reazzjoni tal-Gvern għall-imxija u l-effetti ekonomiċi li ħalliet. Qal li pajjiżna qed jibni l-pedamenti għal żvilupp aktar sostenibbli li jassigura li jkollna għada aħjar.
Id-dokument ta’ qabel il-budget ġie preżentat ukoll f’laqgħa tal-Kabinett li saret l-Erbgħa filgħodu.
Our pre-budget report shows how @Maltagov will be gradually moving from our #successful response to #COVID to building the #foundations for a more #sustainable #economic development that ensures a #bettertomorrow for all – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) September 9, 2020