Inqas minn xahrejn qabel mal-Gvern hu mistenni li jressaq il-baġit għas-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna preżenta d-dokument ta’ qabel il-baġit bit-tema ‘Insostnu tkabbir inklussiv’.
Il-Ministru Scicluna saħaq fuq it-tqassim tal-ġid, aspett li dan il-Gvern jagħtih importanza f’kull baġit u fil-baġit li jmiss, li mistenni jiġi preżentat lejn nofs Ottubru, se jagħmel l-istess.
Spjega kif il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li Malta potenzjalment tista’ tilħaq tkabbir ta’ bejn 5 u 6% matul is-sena li ġejja.
Huwa saħaq li bħal kull baġit ieħor, il-prioritajiet tal-Gvern se jibqgħu fuq is-saħħa, l-edukazzjoni u t-tkattir tax-xogħol.
Il-Ministru għall-Finanzi spjega kif imqabbel mal-medja Ewropea li naqset il-faqar minn 25% għal 22%, Malta niżlitu minn 25% għal 19%.
Il-Ministru Edward Scicluna semma kif xorta għad hawn realitajiet soċjali li l-Gvern iżomm saqajh mal-art dwarhom u filwaqt li jieħu nota jipprova jindirizzahom.
Dwar is-settur tax-xogħol semma kif Malta hija l-aktar pajjiż li għamlet qabża fl-aħħar 10 snin fejn il-ħaddiema temmew l-edukazzjoni terzjarja.
Qal li l-produttività ta’ Malta telgħet għal 120% għal kull siegħa xogħol.
Semma kif żdiedet ir-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-qasam tax-xogħol, fejn issa telgħet għal 62% filwaqt li d-differenza tad-dħul bejn in-nisa u l-irġiel qed tonqos iżda jeħtieġ li tibqa’ meħuda bis-serjetà.
Il-Ministru fakkar fl-aħħar żewġ rapporti tal-aġenziji ta’ kreditu Fitch u Moody’s , b’tal-ewwel tirrimarka li matul is-sena l-oħra, Malta kellha l-ikbar tkabbir ekonomiku mgħaġġel fl-Unjoni Ewropea filwaqt li Moody’s għolliet ir-rating ta’ pajjiżna minn A3 għal A2.