Il-Gvern Malti ressaq abbozz li se jkompli jsaħħaħ l-istitutzzjonijiet li jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata f’pajjiżna.
L-Abbozz, li wkoll jimxi mar-rakomandazzjonijiet tal-MONEYVAL, jinkludi fih proviżjonijiet partikolari għall-konfiska ta’ proprjetà li tintuża, maħsuba biex tintuża għal reati ta’ kriminalità organizzata fosthom ħasil ta’ flus u reati terroristiċi.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li b’dan l-abbozz se jgawdu minnu wkoll iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin għaliex il-liġi tesiġi li l-flus mill-kriminalità jiġu rkuprati.
Il-Ministru Zammit Lewis stqarr, “Għandna bżonn dawn il-miżuri, għaliex Malta trid tkun b’saħħitha fil-ġlieda kontra l-kriminalità b’għodda b’saħħitha u b’kunċetti legali ġodda illi anke jkun hem konfsika ta’ oġġetti mingħajr ma jkun hemm proċediment penali. U fl-istess ħin inserrħu rasna illi l-flus mill-kriminalità nerġgħu neħduhom lura u nużawhom għall-benefiċċju tal-istess ċittadini fi skejjel, fis-saħħa u wkoll fis-sigurtà soċjali.”
Il-Ministru Zammit Lewis spjega li nħolqot sistema fejn fiha l-persuna akkużata jkollha tispjega minn fejn ġabet l-assi tagħha. Dan l-abbozz huwa pass ieħor ‘il quddiem sabiex titjieb ukoll r-reputazzjoni ta’ Malta barra minn xtutna, u biex tiġi assigurata s-Saltna ta’ Dritt u Demokrazija b’saħħita f’pajjiżna.
Din il-liġi mhijiex ibbażata fuq kundanna, jiġifieri l-Assi mill-Kriminalità ħa jinġabru fuq bażi ta’ suspett tar-reat rilevanti u mhux biss la darba sentenza tinqatà fil-Qorti Kriminali.
Peremezz ta’ din is-sistema ser ikun hemm komunikazzjoni ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi ta’ pajjiżna u dawk ta’ barra minn Malta sabiex jiġi żgurat li tinġabar l-informazzjoni meħtieġa ħalli l-ġustizzja verament issir.
B’referenza għall-kriminalita organizzata l-Kunsill Ewropew saħaq li l-organizzazzjonijiet kriminali qed jagħmlu aktar minn mitt miljun ewro fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-Ġnus Maqgħuda ikkalkulat li madwar żewġ triljun ewro jiġu maħsula madwar l-erba’ kontinenti tad-dinja kull sena.