Abozz ta’ liġi li joħloq bilanċ ġust. Hekk iddeskriva abbozz ta’ liġi, li l-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, ressaq għat-Tieni Qari fil-Parlament, bl-iskop li jemenda diversi liġijiet b’rabta ma’ reati finanzjarji.
Dawn l-emendi, fost l-oħrajn, jaraw li jitnaqqas il-perjodu tal-validità tal-ordni ta’ sekwestru bin-nofs, biex issa se jkun hemm terminu wieħed ta’ sitt xhur. Se jkun ukoll possibbli li l-ordni ta’ sekwestru tkun varjata u jiġu rilaxxati flus għal għajxien diċenti. Dan filwaqt li se tiġi introdotta emenda li tipprovdi li, meta ordni ta’ sekwestru taqa’ jew tiskadi, il-Qorti tiġi notifikata b’mod awtomatiku.
Dwar l-emendi tal-iffriżar dawn jaraw li l-Prosekuzzjoni għandha tiddikjara liema proprjetà, jew kemm flus, għandhom ikunu miżmumin. Ma’ dan issa se jkun hemm dritt ta’ appell quddiem il-Qorti Kriminali. Fil-Parlament intqal ukoll li l-imputat jista’ jitlob sa massimu ta’ dik li hi paga annwali medja.
Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja spjega li l-punt ta’ tluq għal dawn l-emendi jsib l-bażi tiegħu f’diversi sentenzi, inkluż mill-Qorti Kostituzzjonali u anke dik kriminali, u b’hekk dan l-abbozz ta’ liġi kien ifformulat wara numru ta’ diskussjonijiet.
Dan bil-għan li jiġu inkorporati kemm jista’ jkun l-aspetti kollha u jkun assigurat li d-drittijiet kemm tal-istat u tal-imputat ikunu salvagwardjati.
“B’din ir-riforma, għal darb’oħra, qed nuru kif qal il-Prim Imħallef, li aħna l-politiċi li għandna l-polz tal-poplu, nagħmlu interventi biex nassiguraw li jkun ordni pubblika effettiva, imma wkoll nassiguraw li f’soċjetà demokratika, l-ebda persuna ma jkollha l-jeddiet mittiefsa.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard
Il-Ministru spjega wkoll li l-Gvern saħħaħ il-ġlieda kontra r-reati finanzjarji, fejn fl-aħħar tliet snin biss kien hemm ’il fuq minn mitt każ marbutin mal-ħasil tal-flus.
Ikkwota ukoll minn stqarrija maħruġa mill-Oppożizzjoni, li qalet li għalkemm qed tirrikonoxxi li hemm bżonn li tinbidel il-liġi, xorta se tkun qed tivvota kontra. Dr Attard iċċara wkoll li d-diskussjoni fil-Parlament ġiet posposta biex il-Partit ta’ Bernard Grech jiddiskuti dan l-Abbozz ta’ Liġi wara li kienu ma qablux fuq pożizzjoni waħda.
Il-Ministru għall-Ġustizzja spjega wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni, mhemm l-ebda ħsieb li jitnaqqsu l-għodod legali fil-ġlieda kontra l-kriminalità.
“Kull reat, se jibqa’ reat, kull piena li hemm stabilità fil-kotba tagħna se tibqa’ dik il-piena. Qed indaħħlu aktar proporzjonalità fil-mod kif persuna, li hi preżunta innoċenti, għax hi suspettata jew inkella imputata, ma tiġix suġġetta għal sitwazzjoni totali ta’ rovina b’mod mill-aktar inġust.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard